Fil-winding up tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Moniteraġġ Elettroniku, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ddikjara li daqskemm din hija riforma favur min żbalja, hija wkoll riforma favur il-vittmi.
“B’dawn l-emendi se nagħtu aktar protezzjoni lill-vittmi. Bl-istess mod, min għamel żball żgħir l-għan tagħna huwa dak li nikkoreġuh. Nemmen li hija deċiżjoni tajba li mmorru din it-triq sabiex nilħqu dak il-bilanċ,” qal il-Ministru Camilleri.
L-għanijiet u raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma li jipprovdu għal sistema ta’ monitoraġġ elettroniku għal persuni kkundannati bil-għan li tissorvelja l-movimenti ta’ persuna soġġetta għal ordni ta’ moniteraġġ elettroniku permezz ta’ apparat elettroniku sigur u li jipprovdi għal kwistjonijiet relatati u anċillari.
Il-Ministru Camilleri tenna li din hija sistema li se ġġib bidla pożittiva. Sistema teknoloġika li se tassisti lill-bniedem. B’danakollu huwa rrikonoxxa li din mhijiex sistema “perfetta”, kif uriet ukoll f’pajjiżi oħra.
“Però dan mhux se jaqtgħalna qalbna li nibdlu f’qasam sensittiv bħal dan. Se ġġib bidla li qabel ma kienx hawn bħalha. Għaldaqstant wasal iż-żmien li f’pajjiżna nagħmlu wkoll dan il-pass importanti u kuraġġuż. Imma li jkollna l-kuraġġ li nimxu lejn din il-bidla wkoll,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
“Meta jitpoġġa dokument fuq il-Mejda tal-Kamra huwa l-Ministru li jiddeċiedi d-dokument li jitpoġġa”
L-Ispeaker Anġlu Farrugia lbieraħ ta ruling dwar talba li saret mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus b’rabta ma’ mistoqsija parlamentari li kien għamel lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.
L-Onor. Callus staqsa jekk biex jingħata risposta għal mistoqsija parlamentari huwa hux se jkollu jfittex f’1,000 paġna biex ifittex ir-risposta fejn hi. Tenna li l-Ministru għandu jpoġġi l-paġna relatata biex ikollu dik r-risposta.
Is-Sedja rat it-talba tiegħu u beda billi għamel referenza għal deċiżjoni li kienet ingħatat mill-eks Speaker Louis Galea f’Marzu tal-2010 fejn jingħad ċar li: “l-Ordnijiet Permanenti 174 u 183 jipprovdu għad-dritt tal-Membri li jaqraw u jieħdu jew jingħataw estratti jew kopji ta’ karti mqiegħda fuq il-Mejda jew ordnati li jiġu stampati mill-Kamra. L-Ordnijiet Permanenti 181 u 182 jipprovdu għad-dritt tal-Kamra li titlob, jew tal-President li jordna, “li jitqiegħdu quddiemha kontijiet, reżokontijiet, rapporti u karti, iżda ebda inkartament dipartimentali ta’ natura konfidenzjali ma jeħtieġ jitqiegħed quddiem il-Kamra.””
L-Ispeaker enfasizza li: “dan ifisser li fiċ-ċirkostanzi kollha, l-Ordnijiet Permanenti mkien ma jsemmu l-ħtieġa ta’ xi permess tal-Kamra biex il-Ministru jqiegħed dokument jew karta fuq il-Mejda tal-Kamra. F’dan ir-rigward il-Ministru Clint Camilleri, minn rajh, wara li kien hemm ir-rakkomandazzjoni tas-Sedja, poġġa d-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra. “Il-fatt li poġġa d-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra qegħdin għall-iskrutinju ta’ kull Membru, inkluż il-Membru nnifisu li għamel id-domanda parlamentari, f’dan il-każ l-Onor. Ryan Callus.”
Huwa rrefera wkoll għall-Ordni Permanenti 197 u dan biex jara u jikkonsidra r-regoli u l-prattika tal-House of Commons, kif hemm miktub fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, u qies ukoll x’jgħid l-Erskine May.
Fil-fatt, skont dawn huwa rari li ministru jwieġeb oralment mistoqsijiet parlamentari b’referenza biss għal xi dokument partikolari. Għalkemm jekk il-ministru jiċċita xi karta jew xi tweġiba waqt xi dibattitu jkun mistenni li sar f’ċerti kwalifiki ta’ kunfidenzjalità jew sigurtà, iqiegħed tali karta fuq il-Mejda tal-Kamra, mhux mistenni li ministru jaqra tali karta/dokument minħabba li dan jista’ jieħu wisq ħin mix-xogħol tal-Kamra. Din hija l-prattika fil-House of Commons.
Għalhekk, meta jitpoġġa dokument fuq il-Mejda tal-Kamra, huwa l-Ministru li jiddeċiedi d-dokument li jitpoġġa, f’dan il-każ poġġa d-dokumenti kollha, u allura sta għall-Membru li juża jew jieħu informazzjoni minn dak id-dokument. Fl-ebda mument u fl-ebda ħin l-Ispeaker jew min ikun qed jippresiedi s-Sedja m’għandu l-poter li jordna jew jitlob lill-Ministru biex ukoll jara liema parti mid-dokument għandu jpoġġi.
Għalhekk wara li nnota li l-Ministru Camilleri poġġa d-dokumenti relatati mad-domanda parlamentari li għamel l-Onor. Callus, kif rakkomandat lilu mis-Sedja, l-Ispeaker saħaq li ma kellux aktar fejn jikkonsidra xi azzjoni oħra f’dan ir-rigward.