Saturday, July 20, 2024

Sitt snin u nofs għal raġel li nstab ħati li ħaraq karozza u bieb ta’ residenza fl-Isla

Aqra wkoll

Raġel ta’ 47 sena ġie kkundannat sitt snin u nofs priġunerija, wara li l-Qorti sabitu ħati li ħaraq karozza u bieb ta’ residenza fl-Isla.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna u mill-Ispettur Mario Xiberras, ġie spjegat li l-każ seħħ f’Jannar ta’ sentejn ilu fi Triq Sant Anġlu għall-ħabta tat-3:00 a.m.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, il-vittma spjega li huwa kellu suspett fl-akkużat, Jesmond Cassar minħabba li kellhom xi argumenti bejniethom u minħabba l-fatt li l-vittma beda jinnota lill-akkużat għaddej ta’ spiss minn quddiem ir-residenza tiegħu.

Xehed kif dakinhar tal-inċident seħħ l-każ, qam għax sema’ l-klieb jinbħu u lill-ġirien jgħajtu li kien hemm karozza taqbad. Fil-Qorti, ġie spjegat li minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà fil-viċin, Cassar deher tiela’ taraġ b’landa taż-żejt f’idu.

Minbarra l-piena ta’ ħabs, Cassar ġie ordnat sabiex iħallas lill-vittma €4,000 tal-ħsarat u weħel €2,600 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ €5,000.

Ekonomija

Sport