Friday, July 19, 2024

Il-gazzetta “IL-FURJANA” tfakkar il-150 sena mit-twaqqif tal-Banda Vilhena

Aqra wkoll

Kienet ippubblikata ħarġa oħra tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’. F’din il-ħarġa ta’ Ġunju, hemm inkluż suppliment ta’ tmien faċċati dwar l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena li f’din is-sena ċentinarja għall-belt tal-Furjana, qed tiċċelebra l-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda Furjaniża li kienet minn tal-ewwel li twaqqfet fil-gżejjer Maltin.

F’artiklu ferm informattiv miktub minn Jake Muscat, is-Segretarju tas-Soċjetà, u bbażat fuq riċerka li kien għamel ir-riċerkatur Furjaniż Nigel Holland, jissemmew il-ġrajjiet ewlenin ta’ dawn is-seklu u nofs tal-Banda li hi magħrufa bħala ‘Omm l-għaqdiet ċiviċi Furjaniżi’.

Il-kitba hi akkumpanjata minn numru ta’ ritratti, li wħud minnhom huma storiċi u rari. Is-suppliment ta’ ‘IL-FURJANA’ jinkludi wkoll messaġġ tal-okkażjoni miktub mill-President attwali tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena, Chris Vella.

Din it-tieni ħarġa għal din is-sena tal-gazzetta Furjaniża, tagħti ħarsa wkoll lejn  il-ġrajjiet li seħħew fil-Furjana u lil niesha, f’dawn il-kważi l-ewwel nofs tal-2024. Ewlenin fosthom naturalment huma t-300 anniversarju (1724-2024) mit-twaqqif tal-Furjana li kien iċċelebrat fid-9 ta’ Mejju li għadda, u l-festa parrokkjali f’ġieħ l-Ewwel Isqof ta’ Malta u patrun tal-Furjana San Publju, li saret f’nofs April.

Għalkemm id-diżappunt għan-nuqqas ta’ suċċess ta’ Floriana FC fl-aħħar taż-żewġ kompetizzjonijiet ewlenin tal-futbol Malti ma kienx żgħir, għal dan pattew timijiet oħra Furjaniżi li kisbu suċċess fi sport differenti. Il-gazzetta ‘IL-FURJANA’ f’din il-ħarġa ssellem lil dawn it-timijiet li temmew l-istaġun rispettiv li għadda bit-titlu ta’ Champions.

Dawn it-timijiet huma: Floriana Young Stars Hockey Club li reġgħu saru Champions ta’ Malta tal-Hockey wara nuqqas ta’ 23 sena; Floriana Ajax Sports Club li kienu konfermati Champions ta’ Malta tal-Ewwel Diviżjoni (8-A-Side) tad-Darts; it-tim tal-futbol tal-istess Floriana Ajax li rebaħ il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-IASC għar-raba’ sena konsekuttiva; it-tim ta’ taħt is-sbatax-il sena (U17) tal-Floriana FC Nursery li saru Champions wara li rebħu s-Sezzjoni ‘A’; it-tim ta’ taħt is-sittax-il sena (U16) tal-istess Nursery li rebaħ il-Kampjonat tal-Futsal.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Ġunju tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta. Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana.

Ekonomija

Sport