Sunday, November 24, 2024

Sitt xhur ħabs wara li daħlet Malta b’passaport falz

Aqra wkoll

Vjetnamiża ta’ 26 sena li ħalliet warajha t-tarbija tagħha ta’ ġimagħtejn biex tivvjaġġa lejn l-Ewropa billi wżat passaport ta’ persuna oħra kienet ikkundannata sentenza ta’ sitt xhur ħabs.

Nguyen Thi Hanh kienet parti minn grupp kbir ta’ nies li kienu arrestati fl-ajruport fit-2 ta’ Settembru li għadda b’rabta ma’ dik li l-pulizija ddeskriviet bħala racket ta’ ħruġ ta’ viżas relatati mal-ivvjaġġar.

Hanh kienet mixlija bil-pussess u li għamlet użu minn pasaport maħruġ f’isem ħaddieħor. Hija kienet mixlija wkoll li għamlet dikjarazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipal tal-Immigrazzjoni.

L-imputata, li dehret anzjuża fil-Qorti, wieġbet ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħha. L-Ispettur Karl Roberts, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega kif każi bħal dawn qed isiru aktar komuni u ddeskriva s-sitwazzjoni tal-ħruġ tal-viżas bħala kważi “racket”.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, innotat li għalkemm kienu qed jingħataw sentenzi ta’ ħabs fuq akkużi simili, dawn bħal donnhom “xorta jibqgħu ġejjin.”

Min-naħa l-oħra, id-Difiża spjegat li l-mara kienet għadha kif welldet tifla fil-Vjetnam u talab li minħabba ċ-ċirkostanzi tingħata sentenza sospiża flimkien ma’ ordni ta’ deportazzjoni immedjata.

“Hemm racket għaddej bħalissa li jinvolvi ċittadini Vjetnamiżi,” insista l-Ispettur Roberts. “Dawn iħallsu ammonti kbar ta’ flus, sa €18,500 biex jiksbu viża ta’ studenti biex jiġu Malta, iżda mbagħad dawn ma jkollhom l-ebda interess li jitgħallmu.”

Il-Maġistrat Stafrace Zammit wissiet lill-imputata li jekk kienet se tikkonferma l-ammissjoni tagħha, hija kienet se tingħata sentenza ta’ ħabs u wara tiġi deportata. Madankollu, l-imputata kkonfermat din l-ammissjoni.

Filwaqt li nnutat li l-mara kkoperat mal-pulizija fl-investigazzjonijiet u anke l-ammissjoni bikrija tagħha, il-Qorti kkundannatha piena ta’ sitt xhur priġunerija, li hija l-minimu fiċ-ċirkostanzi.

L-Avukat Difensur, Luke Valletta, indika li se jkun qed jappella mis-sentenza.

Sport