Wednesday, October 9, 2024

4 xhur ħabs wara li hedded lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid b’sikkina

Aqra wkoll

Andrè Calleja ġie kkundannat 4 xhur ħabs wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet instab ħati li f’Lulju li għadda kien hedded lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid b’sikkina.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li l-każ seħħ fil-21 ta’ Lulju li għadda fi Ġnien Pawlu Boffa li jinsab fi Triq il-Knisja.

Fil-Qorti ntqal li l-akkużat għandu l-vizzju tad-droga kif ukoll għandu problemi biex jikkontrolla r-rabja tiegħu. Hu nstab ħati li dakinhar kiser il-paċi publika, għamel bi €23 fi ħsarat, li ġarr sikkina u qabadha kontra n-nies u li hedded li joqtol lill-imgħallem tiegħu, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti.

Andrè Calleja ammetta l-akkużi kollha kontrih u l-Maġistrat ordnatu wkoll li għandu jħallas multa ta’ €1,500. Il-qorti ħarġet ordni ta’ konfiska tas-sikkina kif ukoll ordni ta’ trażżin biex ma jersaqx lejn l-imgħallem tiegħu.

Ġie ordnat ukoll li ma jistax jidħol il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għal 18-il xahar sħaħ wara li joħroġ mill-Qorti.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher.

Sport