Tuesday, May 21, 2024

Skema ta’ pensjoni mill-GWU għall-membri tagħha

… b’kollaborazzjoni mal-APS Bank

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union, fost il-firxa ta’ servizzi li diġà toffri, ilbieraħ ħabbret skema relatata mal-pensjoni għall-membri tagħha. Skema li kien iffirmat MOU dwarha fil-Konferenza Internazzjonali li saret f’għeluq it-80 sena anniversarju tal-GWU.

GWU/APS Personal Pension Plan  – pjan ta’ pensjoni personali għall-membri tal-GWU b’mod volontarju, li se titħaddem b’kollaborazzjoni sħiħa mal-APS Bank. Bil-ħsieb warajha  li l-ħaddiema membri tal-GWU jibdew jirċievu pensjoni oħra hekk kif jirtiraw bl-età minbarra dik tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal ħajja diċenti u ta’ kwalità wara l-irtirar mid-dinja tax-xogħol. Flimkien mal-pjan ta’ pensjoni personali tħabbret ukoll l-occupational pension plan, li tista’ tkun offruta mill-post tax-xogħol.

Dettalji ta’ kif se jitħaddmu dawn l-iskemi ngħataw waqt laqgħa ta’ informazzjoni li saret fil-binjatal-General Workers’ Union  indirizzata fost oħrajn mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u Kenneth Genovese, Head of Investment Distribution tal-APS.

F’intervent li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-GWU enfasizza li wieħed għandu jkun għaqli u jidħol fi skemi bħal dawn minn età żgħira u mhux biss ftit snin biss qabel jirtira bl-età. Huwa qal li l-pjanijiet kif se jitħaddmu ż-żewġ skemi huma diġà lesti u mistennija jiġu varati fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed isiru laqgħat ta’ informazzjoni mal-uffiċjali tal-unjin biex iwasslu dan it-tagħrif fost il-membri u l-kumpaniji tad-diversi taqsimiet tagħha.

Bugeja tenna li b’dawn l-iskemi l-GWU se tkun qiegħda toffri prodott innovattiv, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mħaddem minn unjin tal-ħaddiema. 

Min-naħa tiegħu, Kenneth Genovese qal li jinsabu kburin li qed jikkollaboraw mal-GWU permezz ta’ din l-iskema fejn se jkun hemm inċentivi favorevoli għall-membri tal-istess unjin. 

Is-sessjoni ta’ informazzjoni kienet indirizzata wkoll minn David Spiteri Gingell, konsulent tal-GWU dwar il-pensjonijiet.

Sport