Tuesday, May 14, 2024

SKEMI ĠODDA BIEX JIRRIMEDJAW GĦALL-INĠUSTIZZJI TAL-IMGĦODDI

Aqra wkoll

Il-Gvern reġa’ żamm kelmtu biex ikompli jindirizza l-anomaliji u l-inġustizzji tal-imgħoddi tant li madwar 4,600 persuna se jkunu intitolati għal għotjiet li jitħallsu skont it-termini tal-iskemi mfassla mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Dan bi qbil mal-Ministeru tal-Finanzi u x-Xogħol fejn b’kollox mistennija jitħallsu madwar €8 miljun biex jiġu indirizzati l-istess anomaliji u inġustizzji.

Il-pagamenti se jkunu qed jinkludu żewġ skemi, dik għall-eks membri tal-Korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku. It-tieni skema li qed joffri l-Gvern hi għal dawk li wkoll kienu fil-Korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku kif ukoll eks impjegati tal-Gas Board u grupp żgħir ta’ eks apprentisti tal-Malta Electricity Board li kienu ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta.

Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern jimpenja ruħu biex iwettaq dak kollu li wiegħed lill-poplu kif miġburin fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li kien ħejja għall-elezzjoni ġenerali tal-2022. Dawn l-għotjiet, għandna għax nifhmu, li se jkunu apparti benefiċċji soċjali oħra fosthom pensjonijiet li diġà qed jingħataw billi ħafna minn dawk li sofrew xi inġustizzja, illum huma rtirati bl-età.

Għalhekk aħna nħeġġu lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor setgħu sofrew xi inġustizzja jew anomalija fid-dħul tagħhom sabiex japplikaw għal xi waħda minn dawn l-iskemi sa qabel l-aħħar ta’ Lulju.

Il-Ministru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon semma kif f’dawn is-sitt snin medja ta’ 3,000 pesuna eliġibbli jew l-eredi tagħhom ikkwalifikaw mill-għotjiet li ngħataw għas-snin ta’ servizz li għamlu sakemm irtiraw mis-servizz pubbliku. S’issa l-għotjiet li ngħataw lil dawk milquta diġà ammontaw għal €35.7 miljun.

Dawn l-iskema kif imħabbra mill-Gvern se jservu ta’ serħan il-moħħ lil dawn il-persuni. Turija oħra li l-Gvern ma jinsa lil ħadd u mhu se jħalli lil ħadd jaqa’ lura. Dan kollu sforz ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern li mhux biss se jieħu ħsieb jirranġa dawn l-anomaliji u l-inġustizzji imma wkoll daħħal fl-iskemi l-eredi ta’ dawk li llum m’għadhomx magħna.

Sport