SkolaSajf tippromwovi l-immaniġġjar u t-tfaddil tal-flus

Aqra wkoll

Tfal ta’ bejn is-seba’ u l-ħdax-il sena kellhom iċ-ċans jesploraw u jipparteċipaw f’aspetti importanti tal-kapaċità finanzjarja, waqt li kienu qed jattendu SkolaSajf ta’ din is-sena. Dawn it-tfal ħadu sehem f’sessjonijiet interattivi bil-qofol ta’ kollox jintlaħaq permezz ta’ kompetizzjonijiet li ħolqu sens ta’ kreattività u ħidma kollettiva.

Il-kompetizzjonijiet kienu mqassma fi gruppi skont l-etajiet, b’riżultat li kienu esebiti tpinġijiet u poeżiji, ilkoll b’rabta finanzjarju. Il-parteċipazzjoni nnifisha kienet diġà ta’ valur għal dawn it-tfal fejn akkwistaw għarfien u ħiliet li jmorru lil hinn mill-kompetizzjoni, permezz ta’ lezzjonijiet dwar il-flus u d-deċiżjonijiet responsabbli li ser jibqgħu jġorru magħhom tul ħajjithom.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon saħaq li dan il-Gvern kommess illi jkompli jsostni dan l-għarfien u fuq kollox jippromwovi stil ta’ ħajja adegwat. “Kemm huwa importanti li t-tfal jitgħallmu l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali u jifhmu kif l-għażliet u d-deċiżjonijiet li jieħdu, għandhom jimxu fuq prinċipji sodi u b’għaqal. Dan sabiex il-flus verament ikunu t’għodda importanti tul il-ħajja,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri qal, “Illum it-tfal qed jikbru f’realtà fejn tonfoq sar aktar faċli u immedjat minn qatt qabel. Għalhekk huwa importanti li minn età żgħira jitgħallmu l-valur tal-flus, tat-tifdil u tal-ippjanar, u fuq kollox kif jagħmlu għażliet responsabbli. Illum qed nitkellmu dwar il-pocket money, iżda għada se jkollhom paga x’jimmaniġġjaw, budget x’jippjanaw u deċiżjonijiet finanzjarji importanti x’jieħdu. Dawn huma ħiliet li jinbnew minn kmieni u jibqgħu magħhom għal ħajjithom. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn ĠEMMA u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, eluf ta’ tfal fi SkolaSajf qed jingħataw l-opportunità jitgħallmu dawn il-ħiliet b’mod prattiku u interessanti. Għax l-edukazzjoni għandha tħejji lil uliedna mhux biss għal dak li se jiltaqgħu miegħu fil-klassi, iżda wkoll għad-deċiżjonijiet li se jkollhom jieħdu fil-ħajja.”

Din l-opportunità ngħatat grazzi għal sinerġija bejn il-pjattaforma ĠEMMA u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), flimkien ma’ tim t’edukaturi li ħolqu  sessjonijiet interattivi ta’ taħriġ li kienu prattiċi, hands-on u fl-istess waqt divertenti u interessanti għat-tfal.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport