Wednesday, April 24, 2024

Snooker: Trump u O’Sullivan jibdew b’rebħa fl-English Open

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti tal-English Open li qed isir f’Milton Keynes, Judd Trump, kiseb rebħa komda ta’ 4-1 kontra Matthew Selt fl-ewwel round waqt li anke Ronnie O’Sullivan kiseb rebħa simili kontra David Lilley.

Id-differenza minn sena ilu hija li din id-darba reġgħu rritornaw l-ispettaturi bi Trump juri konsistenza nkredibbli meta fis-sensiela tal-Home Nations lagħab 71 logħba fuq seba’ frames u minnhom rebaħ 65 waqt li għandu r-rekord li rebaħ erba’ titli minnhom.

Trump ipproduċa breaks ta’ 90, 54 u 73 u wara li Selt irrisponda b’89 kien Trump li ssiġilla r-rebħa b’century ta’ 109.

Iċ-champion tad-dinja sitt darbiet O’Sullivan, qed jipprova għall-ewwel titlu f’iktar minn sena wara li s-sena l-oħra wasal sa ħames finali u tilifhom kollha.

Kien Lilley li ħa vantaġġ sorpriża bi breaks ta’ 55 u 34 iżda O’Sulivan irrisponda bi breaks rebbieħa ta’ 65, 58, 80 u 100. 

Iċ-champion tad-dinja, Mark Selby beda tajjeb ukoll meta għeleb lil Sanderson Lam 4-2 bi breaks ta’ 90, 119 u 73.

Stuart Bingham għeleb liċ-champion tad-djnja tan-nisa tliet darbiet, Ng On Yee, 4-1, waqt li Shaun Murphy elimina lil Duane Jones 4-3.

Ir-rebbieħ tan-Northern Ireland Open, Mark Allen ġie megħlub 4-1 minn Luca Brecel waqt li John Higgins għeleb bil-kumditá lil Zhao Jianbo 4-1 inkluż break ta’ 135.

Riżultati oħra mill-ewwel round:

Neil Robertson v Andy Hicks 4-0; Tom Ford v Alexander Ursenbacher 4-0;  Anthony McGill v Gao Yang 4-1; Allan Taylor v Oliver Sykes 4-1; Ding Junhui v Andrew Pagett 4-1; Yan Bingtao v Aaron Hill 4-1; Kyren Wilson v Noppon Saengkham 4-0; Mark Joyce v Jack Lisowski 4-3, Hawkins għeleb v Reanne Evans 4-1.

Sport