Sunday, December 22, 2024

SOĊJALISTI FIL-PASSAT, SOĊJALISTI FIL-FUTUR

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

M’ilux kont qed nitkellem ma’ persuna, li irrimarkatli li hi xettika fuq l-irwol tas-soċjaliżmu fid-dinja tal-lum. Meta saqsejtha għaliex, qaltli għaliex l-intervent tal-Gvern fl-ekonomija jaf ittellef lill-privat milli jkompli miexi ‘l quddiem. Ir-risposta tiegħi kienet li importanti li naraw l-impatt tajjeb li dan kapaċi jkollu. Jekk inħarsu lejn żmien il-pandemija, per eżempju, mhux intervent mill-Gvern fl-ekonomija li ħalla l-frott, meta l-Gvern ra li n-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu b’saħħithom, permezz ta’ miżuri bħall-Wage Supplement, fost l-oħrajn? 

Jekk immorru oltre minn hekk, u nikkunsidraw li kien Gvern Laburista wkoll li daħħal fis-seħħ Childcare b’xejn għal dawk li jaħdmu, dak mhux soċjaliżmu b’effett pożittiv ukoll? Minn din il-miżura gawdew mhux biss l-ommijiet u l-familji imma wkoll is-settur privat, għax fl-aħħar mill-aħħar aktar nisa setgħu joħorġu jaħdmu u allura kien hawn aktar talent fis-suq tax-xogħol.

Intant, fejn tidħol il-qalb soċjali tħabbat, il-Partit Laburista ma jiddiżappuntax. Fl-aħħar żewġ leġiżlaturi rajna r-reviżjoni tal-paga minima għall-ewwel darba wara deċenji sħaħ, żieda fil-pensjonijiet, żieda fl-istipendji, u żidiet oħrajn fejn jidħlu servizzi soċjali diversi. Madanakollu, xorta tibqa’ ssib min jgħidlek li dan kollu mhux biżżejjed. Agħar minn hekk hu meta ssib min jgħidlek li qed jiddaħħlu dawn il-miżuri kollha għax qed niddejnu!

Hawn importanti li nfakkru li kien il-Partit Laburista fil-Gvern li irreġistra surplus wara surplus grazzi għat-tkabbir ekonomiku li iġġenera. Waqt il-pandemija, Gvern Laburista kompla jgħin lin-nies anke frott l-għaqal ekonomiku. 

Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, saħansitra turi li l-ġid nazzjonali s-sena l-oħra, wera żieda ta’ biljun u nofs ewro meta mqabbel ma’ sena qabel u nofs biljun ewro iktar mill-2019, meta ma kienx hawn pandemija. Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ukoll illi t-tkabbir ekonomiku illi rreġistrat Malta s-sena illi għaddiet kien id-doppju ta’ dak irreġistrat fl-Unjoni Ewropea.

U intant, il-miżuri soċjali mistennija jkomplu jiżdiedu u mhux jonqsu. Biss biss, din il-ġimgħa il-Prim Ministru ħabbar diversi proposti elettorali soċjali li l-Partit Laburista ser iwettaq jekk jerġa’ jingħata l-fiduċja biex jiggverna mill-poplu. Fost dawn il-miżuri nsibu servizzi ġodda tal-IVF bl-aktar teknoloġija moderna u mediċini tal-IVF b’xejn: prova ċara li dan il-Gvern jibqa’ jaġġorna miżuri li jkun daħħal fil-passat, u mhux iħallihom jistaġnaw. Insibu wkoll żieda ta’ €90 fis-sena fiċ-children’s allowance, żieda fil-bonus tat-twelid u l-adozzjoni u żieda fl-in-work benefit; xi ħaġa li tassigura li min jaħdem jiġi premjat, imma wkoll li kull min ikollhu bżonn jingħata l-għajnunaneċessarja. Dan apparti l-estensjonital-miżura taċ-Childcare b’xejn, din id-darba għat-tfal kollha, irrispettivament minn jekk il-ġenituri jaħdmux jew le.

Fl-ambitu edukattiv, ser naraw ukoll li jingħata laptop lill-istudenti tas-sekondarja kollha, filwaqt li tiġi estiża wkoll il-miżura tat-tablet għall-istess studenti. Apparti hekk, ser nibdew naraw li kull sena t-tfal jibdew jingħataw sett kotba, filwaqt li kull familja ser tibda tieħu €500 fis-sena għal kull wild li jkompli jistudja wara l-eta’ mandatorja, għal massimu ta’ għotja ta’ €1,500. Nistaqsi: Dawn mhux kollha proposti soċjalisti pożittivi? 

Tajjeb insemmu għal darboħra li minn dan is-soċjaliżmu mhux ser jibbenefika biss il-ħaddiem imma ser jibbenefika s-settur privat ukoll. Jekk permezz t’għajnuniet aktar nies ser joħorġu jaħdmu, mela s-settur privat ser ikollu aktar ċans li jsib ħaddiema u jkollu aktar minn fejn jagħżel. Jekk dawn il-ħaddiema mbagħad ikollhom livell t’edukazzjoni aħjar, inkluż il-ħiliet diġitali neċċessarji, mela ser ikun is-settur privat ukoll li ser jibbenefika. Għaldaqstant, meta naraw miżuri bħal dawn, li jibbenefikaw lill-poplu, u wkoll lin-negozji tagħna, kif nistgħu ma nkunux kburin bis-soċjaliżmu ta’ Partit Laburista fil-Gvern? 

Il-Partit Laburista kien soċjalist fil-passat, hekk għadu llum, u hekk ser jibqa’ fil-futur.

Josianne Cutajar; Membru Parlamentari Ewropew

Ekonomija

Sport