Soċjetà li qed issir dejjem aktar tossika

…kummenti dispreġjattivi u ta’ mibegħda lejn ħaddiema barranin għax taw id-demm

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju ftit tal-jiem ilu, ħaddiema barranin – eżattament  dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, ingħaqdu bejniethom u attendew bi ħġarhom inizjattiva li jmorru jagħtu d-demm.  Id-demm m’għandux nazzjonalità, kulur jew reliġjon. 

Id-demm ma jagħmilx distinzjonijiet. Għalhekk kienet sorpriża għal ħafna li quddiem din l-inizjattiva, dawn il-ħaddiema spiċċaw b’baraxx minn sezzjoni ta’ nies li kitbu kummenti mill-aktar dispreġjattivi lejhom u lejn l-att li wettqu. Kienu kummenti xokkanti. Kummenti li juruk li fis-soċjetà tagħna għandna problema.

Dik li aktar mhu jgħaddi żmien aktar din is-soċjetà qiegħda dejjem issir aktar tossika. Bla empatija. Tattakka abbażi ta’ x’temmen, l-etniċità jew min fejn inti ġej. Dawn kienu kummenti li juru li l-preġudizzji fostna laħqu livelli allarmanti. Tant li anki xi ħaġa pożittiva tispiċċa tiġi attakkata jew jinkitbu kummenti iebsin fuqha. Li wieħed jagħti d-demm ifisser li qiegħed jagħti ċans lil ħaddieħor jgħix. M’hemm ebda dubju li ġest ta’ dawn il-ħadidema hu eżempju ta’ solidarjetà, umanità u kontribut għas-soċjetà. 

Hemm ċans kbir li ħafna minn dawk li attakkaw lil dawn il-ħaddiema qatt ma marru jagħtu demm

Tkellem magħna persuna midħla sew tal-Bank tad-Demm. Qalilna li “ninsab diżgustat b’dak li kitbu xi wħud lejn dawn il-ħaddiema. Irrid ngħid li kien hemm ħafna u ħafna li faħħruhom. Biss rajna ħafna kummenti ukoll b’mibegħda u preġudizzji. Lil dawn il-ħaddiema ridna nuruhom rispett u gratitudni. Jiddispjaċini ngħid li rajt il-kummenti preġudikat ta’ xi nies. B’dispjaċir ngħid li dawn ikkritikaw lil dawn il-ħaddiema barranin, imma aktarx li huma qatt ma ġew jagħtu d-demm.  Li tattakka ħaddiem barrani għax mar jagħti d-demm huwa eżempju ta’ kemm il-preġudizzju u l-ksenofobija qed isiru normalizzati fis-soċjetà tagħna. Persuna li tagħżel li tagħti d-demm biex tgħin issalva ħajja għandha tirċievi rispett u apprezzament, mhux mibegħda u kritika.

Il-kummenti xokkanti…

Il-bniedem ma jitkejjilx mill-passaport tiegħu, iżda mill-umanità tiegħu. Għalhekk huma mill-aktar kundannabbli l-kummenti preġudikati u ta’ mibegħda li xi wħud kitbu lejn dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi li marru jagħtu d-demm. Kummenti li xi drabi ridt taqrahom darbtejn jew tlieta għax lanqas tkun qiegħed temmen dak li qiegħed taqra u kif il-bniedem kapaċi jinżel f’dan il-livell ta’ preġudizzju u mibegħda. 

Fost il-kummenti kien hemm: “Taw xi ħaġa mhux jieħdu biss”. “Ma jridux jitħallsu ukoll hux”. “Kemm iġibuha bi kbira għax jagħtu naqra demm dawn. Qatt ma ġiebu kemm il-Malti jagħti demm anke meta jkunx hemm bżonn”.  “Ommi ma ja lagħqin. Sisu ħadd watt ma mar jagħti d-demm, imma ejja inġibuha news ħalli l-poplu jiġi aljenat”. “Iridu xi premju Nobel talli taw id-demm?”. “Nispera li jiġi iċċekkjat dak id-demm għax f’pajjiżhom hemm mard ta’ infezzjonijiet tad-demm li Malta m’hawnx għax miskin lil min tagħtuh”. 

Soċjetà li qiegħda dejjem issir aktar tossika

Illum, jekk wieħed jara x’jinkiteb minn sezzjonijiet tal-poplu fuq il-mibdja soċjali fil-konfront tal-barranin, faċilment jasal għal konklużjoni li għandna soċjetà li kull ma jmur qiegħda ssir dejjem aktar tossika. Soċjetà li aktar mhu jgħaddi żmien aktar qiegħda ssir intolleranti. Mhux biss imma apertament ostili lejn gruppi partikolari ta’ nies. Gruppi li għandhom reliġjon differenti. Gruppi li għandhom kulur tal-ġilda differenti. Gruppi li għandhom etniċità differenti.  Illum tinħass sew li wasalna f’punt fejn innormalizzajna il-ksenofobija, il-preġudizzju, id-diskriminazzjoni u l-mibegħda.. Din hi xi ħaġa inkwetanti mmens. 

X’qegħdin naraw fis-soċjetà tagħna llum? … u dawn se nħalluhom għaddejjin qishom xejn mhu xejn?

Illum, jekk nanalizzaw is-soċjetà tagħna naraw li hemm sezzjonijiet sħaħ fiha fejn in-nies, il-valuri u l-imġieba tagħhom joħolqu ambjent negattiv li jagħmel ħsara grupp ta’ individwi li jgħixu f’dik l-istess soċjetà.

Għandna sitwazzjoni dejjem tiggrava ta’ nies jiġġudikaw lil xulxin kontinwament. Hemm ħafna għira, sindikajriżmu u tgħajjir. Għandna sitwazzjoni fejn minkejja li niftaħru bil-libertà tal-kelma, għandna sitwazzjoni fejn qegħdin dejjem aktar naraw nies ma jirrispettawx l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor. Min hu differenti jiġi eskluż jew ikkritikat. L-inġustizzja u l-ipokrezija jsiru normali. 

Dawn huma sinjali ċarissimi li għandna soċjetà li dejjem qiegħda ssir aktar tossika. Dan għax din is-soċjetà tagħna, flok tgħin lin-nies jikbru, iġġiegħelhom iħossuhom inferjuri, stressati, esklużi jew mhux aċċettati.

L-użu tal-midja soċjali jista’ ‘jwassal biex iżid it-tossiċità fis-soċjetà. Dan meta jsiru kummenti b’mod offensiv fuq ħaddieħor. Jixxerrdu xnigħat u informazzjoni falza. Jattakkaw persuni minħabba l-opinjonijiet tagħhom. Bla dubju ta’ xejn li dan jaffettwa l-kunfidenza, l-istima personali u s-saħħa emozzjonali tan-nies.

U soċjetà tossika toħloq il-konsegwenzi

U bħal kull ħaġa oħra hemm il-konsegwenzi ta’ soċjetà tossika. Fost dawn hemm is-solitudni u l-iżolament, fejn gruppi ta’ nies jibdew jitbiegħdu minn ħaddieħor għax iħossuhom mhux mifhuma jew mhux aċċettati.

Hemm il-punt tal-istress u l-ansjetà. Ikun hemm gruppi ta’ nies li minħabba l-biża’ mill-ġudizzju u l-kritika jiġu affettwati b’mod  psikoloġiku. Dawn jibdew jitilfu l-kunfidenza fihom infushom. Jiddubitaw mill-kapaċitajiet, id-deċiżjonijiet u l-valur tagħhom.

Effett ieħor hu n-nuqqas ta’ għaqda, fejn il-fiduċja tibda tonqos u jiżdiedu l-kunflitti bejn il-familji, il-ħbieb u l-komunitajiet.

Kif se niġġieldu din it-tossiċità fis-soċjetà tagħna?

Li jħassbek hu li din is-sitwazzjoni tossika fis-soċjetà tagħna ftit li xejn qiegħed isir biex tiġi kumbattuta. Ta’ kuljum, il-midja soċjali, tkun mifqugħa b’kummenti razzisti u preġudikati kontra l-barranin b’mod partikolari Afrikani u Ażjatiċi.  M’hemm ebda dubju li biex nibdew nitrattaw din it-tossiċità fis-soċjetà hemm bżonn li sezzjonijiet ta’ nies jitgħallmu jirrispettaw l-opinjonijiet u l-għażliet ta’ ħaddieħor.


Għandhom jieqfu jiġġudikaw persuni mingħajr ma jkunu nafu s-sitwazzjoni tagħhom. Hemm bżonn nuru aktar empatija u nagħtu sapport lil min għandu bżonn. Naċċettaw li mhux kulħadd irid jgħix bl-istess mod tagħna jew li għandu l-istess drawwiet tagħna. Fuq kollox hemm bżonn nitgħallmu nisimgħu lil xulxin mingħajr ma nattakkaw jew niġġudikaw.

Il-preġudizzji saru tant komuni li ġew normalizzati

F’din is-soċjetà tagħna, il-preġudizzji tant saru komuni li ġew normalizzati.  Irridu ngħidu li f’soċjetà tossika mhux neċessarjament soċjetà fejn kulħadd huwa ħażin, iżda soċjetà fejn imġieba negattiva ssir tant komuni li n-nies jibdew iqisuhom bħala normali. L-akbar problema hija meta l-ġudizzju jsir aktar importanti mir-rispett, l-għira aktar importanti mill-appoġġ u l-apparenza aktar importanti mill-verità. Soċjetà b’saħħitha mhix dik fejn kulħadd jaħseb l-istess, iżda dik fejn in-nies jistgħu jkunu differenti mingħajr ma jiġu umiljati, esklużi jew ikkundannati.

Tqum id-domanda ta’ fejn sejrin.  Sa issa ftit li xejn jidher li qiegħed isir biex nitrattaw din it-tossiċità dejjem tikber fis-soċjetà tagħna. Qegħdin narawha u nesperjenzawha f’diversi oqsma. M’hemmx dubju li waħda mill-akbar problemi hija li t-tossiċità tista’ ssir ċiklu: persuni li jkunu ġew iġġudikati jibdew jiġġudikaw lil oħrajn, dawk li jkunu ġew imweġġgħin iweġġgħu lil ħaddieħor, u b’hekk l-istess mentalità tibqa’ tgħaddi minn persuna għal oħra u minn ġenerazzjoni għal oħra. Ċirku vizzjuż. 

U quddiem dan ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna. Ma nistgħux nibqgħu ninjoraw in-normalizzazzjoni dejjem tikber tal-ksenofobija u d-diskriminazzjoni. Din il-kultura dejjem tikber ta’ preġudizzju, tat-tfittxija ta’ xi ħadd fuq min jitwaħħal it-tort u tad-diżumanizzazzjoni tan-nies trid tiġi kkontestata u miġġielda. Is-skiet u l-indifferenza jservu biss biex din il-mentalità tkompli tinfirex u tissaħħaħ fis-soċjetà tagħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport