Friday, May 3, 2024

Solista tgħid li l-opportunitajiet fil-kant u l-mużika żdiedu f’pajjiżna, iżda magħhom żdiedu l-artisti

Aqra wkoll

Dan is-sit tkellem ma’ Maria Lewis– Solista b’passjoni kbira għall-kant u l-mużika, fejn m’hemmx dubju li għandha futur mill-isbaħ f’din l-arti. F’din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuha aħjar.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?

Minn mindu kont żgħira, flimkien ma’ oħti, il-logħob tagħna dejjem kien ikun jinvolvi l-kant u l-mużika. Dejjem nimmaġinawna fuq xi palk inferrħu l-udjenza immaġinarja tagħna. Konna nsegwu ħafna programmi mużikali speċjalment fuq stazzjonijiet taljani u ommna kienet tixtrilna xi ‘cassettes’ ta’ xi artisti pop Ingliżi u Amerikani u konna ndoqquhom għal sigħat sħaħ. Minn dejjem kienet passjoni kbira għalina. Minn jaf kemm tajnieha ‘shows’ id-dar lil ommna u konna nużaw xi liżar biex nagħmluh bħala separju! Meta konna mmorru d-duttrina ġejna avviċinati biex nidħlu fil-kor tal-parroċċa u konna nintgħażlu ta’ spiss biex inkantaw bħala solisti. Ommi bdiet toħodna wkoll nitgħallmu ż-żfin u bdejna nieħdu sehem f’diversi ‘shows’ u mbagħad ftit wara bdejna nipparteċipaw f’diversi festivals, l-ewwel bħala solisti u ftit wara fi dwett. Hemmhekk ġie ffurmat il-grupp ‘The Starbrights’ u qatt ma ħarisna lura. 

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-kant sa issa.

Kienet esperjenza mżewqa ħafna li laqqatna ma’ ħafna nies u ħaditna f’ħafna lokalitajiet u anki pajjiżi differenti. Wara li ħadna sehem f’diversi festivals ġejna avviċinati biex nieħdu sehem fil-festival Malta Song For Europe. Fil-fatt ħadna sehem darbtejn fl-1991 u 1995. Minn hemmhekk bdejna ukoll insiefru u morna l-Italja, Sqallija, Tuneżija, L-Ingilterra, Wales u l-Awstralja. Bdejna wkoll skola ta’ talent ‘The Starbrights School of Talent’ fejn kellna madwar 120 student. Memorji imprezzabbli u li għadni ngħożż sal-lum. Ma kinitx deċiżjoni faċli meta xtaqna nagħmlu esperjenza ta’ mużika ġewwa Londra, imma kienet l-aqwa waħda li stajna nagħmlu. Għamilna 5 snin f’din il-kapitali li hija l-mekka tal-industrija tal-mużika u kellna ħafna esperjenzi sbieħ li laqqatna ma’ diversi nies minn madwar id-dinja kollha. Illum il-ġurnata oħti ssetiljat hemmhekk u għandha familja, fejn it-tfal Martina u Dominic ukoll iħobbu ħafna l-mużika. 

Taspiraw li tieħdu sehem fil-konkors Malta Song for Europe jew f’Mużika Mużika fil-futur?

Wara li jiena ġejt lura Malta, deċiżjoni oħra li ma kinitx faċli, komplejt il-karriera tal-kant bħala solista u ħriġt diversi vidjows mużikali u CD singles. Bħala dwett huwa diffiċli issa li nerġgħu naspiraw li nidħlu f’konkorsi, pero’ xi ‘reunion’ meta niltaqgħu ma’ tonqosx fejn nerġgħu nkantaw xi siltiet flimkien u nġeddu l-passjoni tagħna flimkien. Bħala solista, jiena nippreferi nkanta fil-knejjes f’tiġijiet u funerali, inħoss li l-vuċi tiegħi hija forma ta’ talba fejn permezz tagħha l-kongregazzjoni tista’ tersaq aktar qrib t’Alla u tibni relazzjoni aktar profonda. Dik hija l-passjoni tiegħi llum.

Kemm hu diffiċli li f’Malta tgħix esklussivament permezz tal-kant u l-mużika?

Illum l-opportunitajiet kibru ħafna però anki l-ammont ta’ nies f’din l-industrija kibret ħafna. Jekk tinvesti tajjeb fit-tagħlim tal-mużika u speċjalment jekk tkun ‘self-contained’ jiġifieri jkollok strument u tikteb id-diski tiegħek għandek ċans akbar li jkollok dħul sostanzjali. Pero’ Malta għandna wkoll il-vantaġġ li kollox huwa qrib u jippermetti li jkollok iktar minn forma waħda ta’ dħul. Ovvjament bħal kollox, kull fejn tgħix għandek il-vantaġġi u l-iżvantaġġi, u faċli naqgħu fl-żball li naħsbu li ‘the grass is always greener on the other side’! Allura l-aħjar hu li tapprezza l-għażla li tieħu u tagħmel l-aħjar li tista’ biex qatt ma tħossok diżilluż. Il-pubbliku min-naħa l-oħra għandu jifhem li mhux kulma jleqq hu deheb u li l-artist biex wasal hemm ħafna drabi jkun għamel ħafna sagrifiċċji u ċċaħħad minn ħafna għażliet oħra.

Beħsiebek tniedi xi singles jew saħansitra album fil-futur?

Kull ftit snin noħroġ xi single u anki xi vidjow mużikali. S’issa ħriġt l-Ave Maria ta’ Caccini, An Angel, Fire of Love u Nella Fantasia, li kollha jinsabu fuq il-mezzi soċjali. Bħalissa qed nipprepara silta oħra mill-isbaħ u ninsab ħerqana ħafna li nippjana t-tneddija tagħha. U hawnhekk nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lil dawk il-mezzi tax-xandir li dejjem jogħġobhom idoqqu dawn is-siltiet kif ukoll ta’ artisti oħra lokali. 

Tħoss li f’Malta, il-kantant hu rispettat biżżejjed jew f’pajjiżi oħra dan hu iktar rikonoxxut?

Personalment jiena dejjem sibt rispett kbir kemm min-nies fix-xena mużikali, kemm minn organizzaturi kif ukoll mill-poplu Malti, fejn naħseb li hawn ħafna nies japprezzaw l-artisti Maltin. Jiena ta’ spiss niltaqa’ ma’ produtturi, personalijiet, kif ukoll nies inġenerali, fejn dejjem jesprimu b’rispett u b’ferħ kbir miegħi meta jfakkruni f’xi avvenimenti li jiena u oħti ħadna sehem fihom fil-passat u dejjem jawgurawli xewqat veru sbieħ meta jkunu preżenti waqt xi servizz ta’ kant li nkun qed nagħti.

X’inhu l-futur ta’ Maria Lewis?

Il-futur tiegħi nħallih f’idejn Alla. Jiena xogħoli hu li kull ġurnata nagħmel l-aħjar li nista’ biex nagħtiH glorja bit-talenti li tani u nipprova nferraħ u nagħmel il-ġid kif nista’. Nittama li permezz tas-siltiet mużikali li diġa ħriġt u li beħsiebni nkompli noħroġ, inħalli fil-qalb ta’ kull min jismagħhom ħafna ferħ u paċi. Dik hi x-xewqa tiegħi. U hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil oħti Stephanie tal-vjaġġ mużikali twil u memorabli li għamilna flimkien u li jibqa’ għal dejjem f’qalbi! Nirringrazza ukoll lil ommi Anne Lewis li dejjem kienet u għadha ta’ għajnuna u sapport kbir f’kull avveniment ta’ ħajti. U fl-aħħar u mhux l-inqas lil għażiż żewġi Aaron Mifsud li dejjem tani sapport enormi f’kull servizz u proġett li nagħmel. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-kant u l-mużika.

Jekk għandek ħolma, toqgħodx lura, mur u prova wettaqha. Tħallix li xi darba tgħid il-kliem ‘kieku’! Pjana l-affarijiet sew, bil-għaqal. Qassam ħinek sew u ftakar li biex tirnexxi trid tkun lest li tissagrifika u ma tgawdiex min xi affarijiet li sħabek ikunu qegħdin jagħmlu dak il-ħin. Imma wara li tibda tara li qed tirnexxi tħoss sudisfazzjon kbir. Żomm saqajk mal-art u ibqa’ umli anki jekk tirnexxi. Iggranfa mal-valuri u ftakar li l-ebda suċċess mhu akar importanti mill-ferħ f’qalbek.

Sport