Friday, April 19, 2024

Soluzzjoni anke għal min ma jikkwalifikax għal akkomodazzjoni soċjali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fis-settur tal-qasam soċjali f’Malta fejn l-Istat għen għadd ta’ familji fil-bżonn u tagħhom dar fejn joqogħdu, dan is-sit għamel intervista mal-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, fejn qalilna li bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni tal-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-Istorja ta’ pajjiżna. Issa, wara li dan il-Gvern għamel differenza kbira fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, il-mira ambizzjuża li jmiss hija li tissaħaħ il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli. 

Il-Ministru Galdes qal lil dan il-ġurnal li l-Awtorità tad-Djar diġà nediet proġett fil-Fgura fejn hemm sit li qiegħed jinbena bl-għan li jinkera lil persuni li ma jikkwalifikawx għall-akkomodazzjoni soċjali, imma li fl-istess ħin id-dħul tagħhom jagħmilhielhom diffiċli ħafna li jidħlu fis-suq tal-proprjetà mingħajr assistenza. 

“Din il-kategorija ta’ nies tinsab taħt il-mira tagħna għaż-żmien li ġej. Il-budget għas-sena d-dieħla, li kompla jżid l-allokazzjoni għall-housing għal €40 miljun, diġà qiegħed joħloq soluzzjonijiet u swieq ġodda għal din il-kategorija. Imma, fiż-żmien li ġej se nkunu qegħdin nersqu ‘l quddiem b’aktar ideat friski u innovattivi ħalli nassiguraw dinjità lill-familji f’din il-kategorija,” ħabbar il-Ministru Galdes.

Fil-Parlament ingħad li wara li jiġu allokati l-appartamenti li bena l-gvern, dawk kollha fil-waiting list se jingħataw appartament u se jkun hemm appartamenti żejda. Tikkonferma dan u jekk iva, dettalji ta’ kemm ingħataw din is-sena; kemm hemm nies fil-waiting list u kemm se jifdal wara li l-waiting list tkun eżawrita? Fejn tqassmu l-postijiet tal-gvern?

Dik il-lista ta’ stennija, li sibniha staġnata, ta’ ‘l fuq minn 3,000 persuna, qabel ma bdew jiġu allokati d-djar il-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali kienet naqset bin-nofs. Jiġifieri bħalissa fuq il-lista baqa’ madwar 1,700 persuna bis-saħħa ta’ sistema sħiħa ta’ housing li permezz tagħha nfittxu li nindirizzaw il-bżonnijiet b’mod speċjalizzat. Irnexxielna wkoll nagħmlu 700 allokazzjoni fl-aħħar tliet snin mill-istokk eżistenti, minn djar battala li ġew restawrati u billi tajna użu lil djar ta’ sidien privati. 

Issa li qiegħda tiġi ffinalizzata parti sostanzjali mill-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-istorja – riżultat ta’ investiment ta’ madwar €110 miljun – l-Awtorità tad-Djar bdiet talloka djar ġodda skont l-istrateġija ta’ allokazzjoni li ħabbarna fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru. 

Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkun hemm madwar 300 familja li se jkunu ġew allokati dar ġdida f’siti ġodda f’Birkirkara, il-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, is-Siġġiewi u Ħ’Attard. Wara li dawn il-familji jidħlu fid-dar il-ġdida tagħhom fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, ikun imiss li jiġu allokati madwar 315-il familja oħra fejn u mbagħad jiżdiedu s-siti f’Bormla u l-Imsida, biex lejn tmiem is-sena d-dieħla jidħlu fid-dar il-ġdida tagħhom madwar 308 familji oħra. Meta wieħed jikkonsidra l-medja ta’ 25 applikazzjoni fix-xahar li biha tiżdied il-lista tal-Awtorità tad-Djar, nistmgħu li sa tmiem is-sena d-dieħla l-lista għal akkomodazzjoni alternattiva fi tmiem is-sena 2022 tkun inqas minn 800 persuna. 

Il-mira tagħna dejjem kienet u tibqa’ li dik il-lista neradikawha. Il-proċess tal-bini fuq is-siti l-oħra li huwa ffinanzjat mill-NDSF miexi ġmielu u dak se jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi disponibbli għall-Awtorità tad-Djar biex tifdi l-bżonnijiet li jirriżultaw mis-sena 2023. 

Is-sistema li ħloqna kemm bit-tisħiħ tal-akkomodazzjoni soċjali wara diversi snin fejn l-Istat ma pparteċipa bl-ebda mod fis-suq u kemm bis-saħħa ta’ miżuri preventivi u soluzzjonijiet oħra li qegħdin noffru, mexjin lejn sitwazzjoni biex dik il-lista neradikawha. 

“Lifts qegħdin nagħmlu imma hemm każi ta’ fejn ir-residenti ma jiftehmux”

Fil-kummenti fuq il-midja soċjali waqt intervent minn tiegħek fil-Parlament, kien hemm min qal li ma ngħatax appartament, min li intiliflu l-file u lmenti li ma sarilhomx lift fejn allegaw li hemm anzjana magħluqa d-dar minħabba li ma tistax tinżel it-taraġ. Tista’ tagħtina kumment dwar dan?

Qabel xejn, il-proċess beda u mhux intemm. Jiġifieri, min jinsab fuq il-lista tal-akkomodazzjoni soċjali u ma ġiex allokat s’issa ma jfissirx li mhuwiex se jiġi allokat dar. Kull applikant jgħaddi minn għarbiel rigoruż kemm minn aspett soċjali, kif ukoll minn aspett ekonomiku. Imxejna ferm ‘il bogħod mill-idea li dar tal-akkomodazzjoni soċjali hija xi rigal politiku, anzi, għal dan il-Gvern din hija l-ikbar forma ta’ għajnuna li tiġi offruta fil-qasam tal-housing. Però llum bnejna sistema li permezz tagħha nipprovdu diversi forom ta’ għajnuna oħra li jagħmlu s-suq tal-kera affordabbli u li jgħinu persuna ssir sid ta’ darha. Dawn huma soluzzjonijiet li diġà qegħdin jilħqu eluf ta’ nies. 

L-għan tagħna huwa li nilħqu kemm jista’ jkun bżonnijiet imma fl-istess ħin li nippromwovu l-mobbiltà, li persuna u familja timxi ‘l quddiem bl-għajnuna li nipprovdu. 

Li l-housing soċjali jsir kollu kemm hu aċċessibbli hija mira tagħna. Mhiex l-aktar inizjattiva sempliċi minħabba li ħafna blokok antiki nbnew mingħajr il-ħsieb li xi darba jkunu jinkludu lift u dan ippreżenta ċerti sfidi. Ġew installati ammont qawwi ta’ lifts u sa tmiem is-sena d-dieħla se jkun hemm 159 lift li se jkunu ġew installati fi blokok differenti madwar il-pajjiż. Tajjeb ngħid li ċertu lifts isiru fejn ikun hemm applikazzjoni imma niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn ikunu r-residenti li jonqsu milli jilħqu ftehim bejniethom dwar min ikun lest li jerfa’ r-responsabbiltà għall-manutenzjoni.

Residenza għas-separati… Fenomenu li kien qiegħed jgħolli rasu fis-soċjetà 

Hemm persuni li qegħdin isibu ruħhom bla saqaf fuq rashom wara seperazzjoni b’mod speċjali rġiel li mill-paga jħallsu anke manteniment u għaldaqstant ma jifilħux la jikru u lanqas jixtru mill-privat. Jingħad li l-iskema tas-sħubija tax-xiri mal-gvern mhiex tajba għalihom. X’tista’ tgħidilna dwar dan u tispjega ftit l-iskema u min huwa eliġibbli? Kemm ibbenefikaw persuni minnha din?

Il-politika f’dan il-qasam titfassal fuq ir-riċerka u għax il-ħin kollu ninsabu viċin in-nies fil-bżonn. L-iskema “Equity Sharing” tfasslet għax identifikajna fenomenu partikolari li kien qiegħed jgħolli rasu fis-soċjetà Maltija. Konna qegħdin niltaqgħu ma’ diversi persuni b’ċertu assi f’idejhom, li minħabba li jkunu laħqu l-età ta’ 40 sena, ma kienx ikun biżżejjed għalihom biex jaċċessaw self biżżejjed biex isiru sidien ta’ darhom. 

Dawn in-nies kienu qegħdin jisfgħu kostretti li jikru. Il-Gvern ried li jindirizza dik is-sitwazzjoni u fl-2019 implimentajna l-Equity Sharing, fejn il-Gvern jidħol għal massimu ta’ nofs il-proprjetà max-xerrej li min-naħa tiegħu joħroġ ammont sostanzjali mill-assi tiegħu biex jixtri l-proprjetà konċernata. 

Din l-iskema laqtet il-bżonn li permezz tagħha xtaqna li nindirizzaw u fil-fatt hemm għexieren li diġà saru sidien ta’ darhom b’dan il-mod. L-iskema mhiex għal kull min jixtieq li jsir sid ta’ dahru imma huwa rikjest li l-persuna jkollha ċertu ammont limitat ta’ assi biex tkun eliġibbli u li jagħmilha eliġibbli li tingħata self mill-bank. 

Riċentament bdejna ninnotaw realtajiet ġodda inkluż ta’ aktar persuni li qegħdin jippruvaw li jsiru sidien ta’ darhom weħidhom, jiġifieri mhux bħala koppja. Ninnotaw ukoll żieda fost persuni li jsiru sidien ta’ darhom wara li jaqbżu l-età ta’ 30 sena. Dan qiegħed jirriżulta fi sfidi ġodda ta’ affordabbiltà fis-suq tal-proprjetà. Għaldaqstant fil-budget għas-sena d-dieħla wrejna kif se nestendu l-kriterji tal-eliġibilità tal-iskema Equity Sharing biex tilqa’ fiha nies minn 30 sena ‘l fuq. 

Kif inhu l-pjan tal-bini tal-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali? Hemm xi stokk jew sistema li biha dejjem se jkunu qegħdin jinbnew biex jilqgħu għal applikazzjonijiet futuri? Min jikkwalifika biex japplika?

Is-sitwazzjoni miżera li sibna fil-qasam tal-housing bl-itwal waiting list fl-Istorja u l-iżgħar stokk fl-Istorja disponibbli għall-Awtorità tad-Djar, kien frott ta’ deċiżjoni li ttieħdet fl-2008 li ma jinbeniex aktar housing soċjali. X’imkien, xi ħadd, iddeċieda li l-Istat għandu jkun sempliċiment spettatur fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Aħna dik bdilnieha għax nemmnu li l-Istat irid jipparteċipa attivament fil-qasam tal-akkomodazzjoni biex jiżgura li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. 

Issa qiegħed jiġi ffinalizzat l-akbar proġett ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-Istorja. Aktar minnhekk sa mill-bidu tal-leġiżlatura impenjajna ruħna bir-restawr u riġenerazzjoni ta’ djar antiki u mitluqin, għax dejjem emminna li d-djar battala li f’pajjiżna kienu saru fenomenu, kienu parti mis-soluzzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali. Minbarra hekk, qegħdn inħejju proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli fejn se nfittxu li nikkollaboraw ma’  min huwa dispost li jaħdem magħna u jaqsam magħna l-impenn soċjali. 

Għandna r-rieda politika imma mhux biss, qegħdin ukoll nibnu strutturi li se jibqa’ jgawdi minnhom min jiġi warajna u jibqgħu jiżguraw provvista permanenti ta’ akkomodazzjoni adegwata. 

Minn rapporti ricenti ħareġ li l-maġġoranza taż-żgħażagħ jippreferu jgħixu barra minn pajjiżna u waħda mid-diffikultajiet popolari li semmew hija li ma jistgħux jixtru l-proprjetà tagħhom. Prezzijiet tal-proprjetà vis a. vis il-paga medja f’Malta. Hemm xi għajnuna li tingħata liż-żgħażagħ u lill-koppji u x’inhu l-ħsieb tiegħek dwar dan?

L-isfidi tal-affordabbiltà qatt ma tfajnihom taħt it-tapit. Hija realtà wkoll li, minkejja l-livell tal-prezzijiet, is-suq mhuwiex wieqaf u domanda teżisti. Huwa minnu però li ċertu dħul ikabbar l-isfida biex persuna jirnexxilha ssir sid ta’ darha. Minbarra li se tkun qiegħda titwessa’ l-iskema Equity Sharing biex tilqa’ fiha persuni li jkollhom minn 30 sena ‘l fuq, illum noffru kemm self soċjali għal persuni li għandhom dħul baxx, kif ukoll il-ħlas tal-10% depożitu fuq il-konvenju li hija partikolarment indirizzata lejn iż-żgħażagħ. Din tal-aħħar ilha fis-seħħ mill-2020 u hija ferm popolari tant li huma mijiet iż-żgħżagħ li diġà saru sidien ta’ darhom b’dan il-mod. 

Kulma jmur qegħdin niddiskutu maż-żgħażagħ u mal-għaqdiet biex minbarra li nifhmu l-aspirazzjonijiet tagħhom, insibu soluzzjonijiet ġodda biex anke huma jkollhom iċ-ċans li jibnu l-futur tagħhom fl-istabbiltà. 

Il-prezz tal-kirjiet inbidel? Jekk iva kemm ġew u jekk le, għala u liema?

Jekk qiegħda tirreferi għall-kera tal-akkomodazzjoni soċjali, l-għan tal-politika l-ġdida tal-allokazzjoni huwa li nippromwovu l-mobbiltà soċjali. L-Istat irid li jgħin kemm jiflaħ lil min jiflaħ l-inqas, kemm hemm bżonn imma, sakemm hemm bżonn. Il-kirjiet fid-djar il-ġodda tal-akkomodazzjoni se jkunu baxxi iżda jirriflettu d-dħul tal-familja residenti. Mhux biss, imma l-Awtorità tad-Djar se tibqa’ ssegwi l-iżvilupp ekonomiku ta’ dawk li se jkunu qegħdin jibbenefikaw mill-akkomodazzjoni soċjali perjodikament. 

“Ġrejna wara kull ċavetta”

Hemm każijiet fejn il-Gvern jieħu lura appartamenti fosthom f’każijiet ta’ abbuż. Kellkom min dawn u nġabru xi ċwievet oħra ta’ appartamenti battala bħal per eżempju ta’ persuni avvanzati fl-età li jgħixu f’residenzi tal-anzjani? Jekk iva, kemm?

Biex irnexxilna nagħmlu 700 allokazzjoni qabel beda jitqassam il-bini l-ġdid, ġrejna wara kull ċavetta. Fejn kien hemm l-abbuż mill-akkomodazzjoni soċjali, li wara kollox hija riżorsa tal-poplu, ħadna azzjoni u kien hemm diversi persuni li sfaw żgumbrati nkluż permezz ta’ kawżi fil-Qorti. Sibna min jabbuża b’mod mill-aktar sfaċċat inkluż appartamenti li kienu qegħdin jinkrew għal raġunijiet turistiċi li żgur mhuwiex aċċettabbli. Dawk l-appartamenti kollha li rkuprajna ġew allokati lil min kien fil-bżonn b’mod immedjat. 

Biex verament inkunu qegġdin niġru wara kull ċavetta snin ilu introduċejna l-inċentiv lil anzjani fl-akkomodazzjoni soċjali li jidħlu f’dar tal-anzjani. Dawk l-anzjani li jirritornaw il-pussess tal-appartament allokat lilhom jitteħdilhom porzjon iċken mill-pensjoni meta jidħlu joqogħdu fl-istituzzjoni residenzjali. Dan l-inċentiv rendielna madwar 40 appartament. 

Sport