Sunday, November 24, 2024

Soluzzjonijiet biex il-banek jaqdu aħjar lin-nies

Aqra wkoll

Bħala kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, qed nisma’ dak li jgħidu n-nies u nara x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu.

Fost l-affarijiet li l-aktar li qed jinkwetaw lin-nies hemm is-servizz li qed jingħataw mill-banek. Propju għalhekk li ltqajt mal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin (MBA) u ddiskutiejt kwistjonijiet urġenti f’dan is-settur. Matul il-laqgħa, l-MBA ammettew li l-banek qed jiffaċċjaw problemi serji li qed jaffettwaw il-klijenti tagħhom direttament. Iddiskutejna l-fatt li l-banek qed iżidu t-tariffi tagħhom, iżda l-kljenti qed isibuha aktar diffiċli biex jaċċessaw is-servizzi meħtieġa b’mod effiċjenti. Din iż-żieda fil-prezzijiet qed tiġi meqjusa bħala miżura li tipprioritizza l-profitt fuq il-bżonnijiet tal-klijenti, b’entitajiet kummerċjali li qed jinsew ir-rwol soċjali tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-MBA qajmet il-punt li l-banek qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema fil-fergħat tagħhom. Filwaqt li nifhem din ir-realtà, hija sitwazzjoni li tista’ tiġi indirizzata. Qed nipproponi żewġ soluzzjonijiet possibbli: l-ewwel, l-aġġornament tas-sistemi teknoloġiċi fil-banek biex jissimplifikaw u jtejbu l-interazzjoni mal-klijenti. It-tieni, neħtieġu tisħiħ fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fis-settur bankarju biex jattira aktar nies lejn dan il-qasam.

Ser nibqa’ nenfasizza l-importanza ta’ bilanċ bejn il-profittabbiltà u l-ħtieġa li l-banek jibqgħu sensittivi u responsabbli lejn il-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom, biex verament iservu l-komunità kif suppost. L-għan tiegħi hu li nsaħħaħ il-qasam bankarju biex ikun aktar inklussiv u effiċjenti, u għalhekk bi ħsiebni nibqa’ nsegwi dan is-suġġett mill-qrib biex nipproponi soluzzjonijiet.

Ma rridux ninsew l-impatt psikoloġiku li problemi finanzjarji jistgħu jkollhom fuq l-individwi. Stħarriġ riċenti mill-Università ta’ Malta wera li 17% tan-nies jesperjenzaw stress kbir u trawmi minħabba problemi finanzjarji. Fil-laqgħa li kelli mal-MBA, enfasizzajt li stituzzjonijiet ewlenin fis-settur finanzjarju għandhom rwol kruċjali wkoll fl-indirizzar tal-istress.

Għalix meta nitkellmu dwar is-saħħa mentali, irridu niffokaw fuq il-prevenzjoni permezz ta’ azzjonijiet konkreti. Jekk il-banek isiru aktar konxji tar-responsabiltajiet soċjali fl-operat tagħhom, ikunu qed inaqqsu l-piż emozzjonali li ħafna qed iġorru. Wara kollox, kulħadd ħaqqu sens ta’ sigurtà u stabilità finanzjarja. Kulħadd ħaqqu rispett fil-ġestjoni ta’ flusu stess.

Sport