Saturday, December 21, 2024

Somalu jinżamm arrestat fuq traffikar tad-droga

Aqra wkoll

Somalu ta’ 28 sena residenti l-Marsa inżamm arrestat wara li fil-Qorti ammetta li kien qed jittrafika d-droga f’San Ġiljan.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Cremona spjegat li s-Sibt filgħaxija l-Pulizija kienu qed iduru l-inħawi ta’ San Ġiljan u li ħin minnhom raw lill-imputat suspettuż.

Dan minħabba li l-Pulizija rawh ifittex qalb xi ħaxix li kien hemm qrib parkeġġ. Waqt li kienu qegħdin fuq il-post, innutaw ukoll li kien qiegħed jiġbor xi oġġetti u jagħmilhom taħt il-flokk.

Ingħad li l-uffiċjali kellhom suspett fih u li meta resqu viċin tiegħu, dan inħasad bil-preżenza tagħhom. Minn tfittxija illi saret fuqu, irriżulta li kellu madwar 38 pakkett bi droga suspettata kokaina.

Il-Pulizija għamlet ukoll t-tfittxija fl-istess post fejn kien qiegħed ifittex l-imputat. Hemmhekk instabu numru żgħar ta’ pakketti suspettati kannabis. Aktar tard saret ukoll tfittxija fir-residenza tal-imputat Hussein Abdullahi u instabu oġġetti relatati mal-bejgħ tad-droga, 4 mowbajls u madwar €450 fi flus kontanti.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Hussein wieġeb li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Dan minkejja li fl-istqarrija mal-pulizija qal li d-droga sabha barra.

Min-naħa tagħha d-Difiża mmexxija mill-Avukat Yanika Barbara Sant infurmat lill-Qorti li Abdullahi kien qiegħed jirċievi diversi theddid permezz ta’ messaggi fuq il-mobile. Hawnhekk il-Prosekuzzjoni argumentat li l-imputat qatt ma qasam din l-informazzjoni mal-Pulizija.

Il-Mġistrat Frendo Dimech ordnat sabiex l-imputat jinżamm arrestat sakemm tingħata s-sentenza fis-16 ta’ Settembru.

Ekonomija

Sport