Spanja se jkollha tagħlaq mill-inqas 15% tas-siġġijiet fl-istadium waqt il-partita li jmiss tagħha f’darha, wara li l-FIFA ssanzjonat lill-FA Spanjola minħabba kant diskriminatorju kontra l-Musulmani minn partitarji waqt il-partita kontra l-Eġittu f’Marzu li għadda.
Il-partita, li ntlagħbet f’Barċellona u ntemmet fi draw ta’ 0-0, kienet imtappna minn għajjat diskriminatorju li wassal għal reazzjonijiet minn diversi partijiet.
L-attakkant Spanjol Lamine Yamal ikkundanna l-imġiba, filwaqt li l-FIFA ċaħdet l-argumenti tal-federazzjoni li l-kant ma kienx diskriminatorju.
Minbarra l-għeluq parzjali tal-istadium, il-FIFA mmultat lill-federazzjoni Spanjola $20,000. Madankollu, bil-permess tal-FIFA, is-siġġijiet affettwati jistgħu jintużaw minn familji, studenti jew gruppi kontra d-diskriminazzjoni.




