Tliet sewwieqa ta’ muturi ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li aktar kmieni llum weġġgħu fi tliet inċidenti separati tat-traffiku.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-5.00am, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan. Raġel ta’ 35 sena residenti San Ġiljan, li kien qed isuq mutur Keeway Cityblade, għal xi raġuni tilef il-kontroll u waqa’.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tas-6.45am, fi Vjal l-Indipendenza, l-Fgura.Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Merecedes Benz misjuqa minn raġel ta’ 50 sena residenti l-Imġarr u mutur Malaguti Centro 125 misjuq minn raġel ta’ 28 sena residenti Ħaż-Żabbar, li ttieħed l-isptar għall-kura.
It-tielet inċident ġara għall-ħabta tad-9.00am, fi Triq il-Korp tal-Pijunieri San Pawl il-Baħar. Ħabta bejn Toyota Corolla misjuqa minn raġel ta’ 31 sena residenti Birkirkara u mutur Piaggio Vespa misjuq minn raġel ta’ 67 sena residenti San Pawl il-Baħar waslet biex l-anzjan weġġa’.
Tim mediku ta’ l-assistenza fit-tliet inċidenti, fejn l-irġiel ta’ 35 sena, 28 sena u 67 sena, ġew iċċertifikati li weġġgħu b’mod gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

