Wednesday, April 24, 2024

Sparata missila fuq il-Kosta tal-Ġappun qabel laqgħa importanti bejn il-Mexxej Ġappuniż u l-President tal-Korea t’Isfel

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ftit sigħat qabel ma bdiet laqgħa importanti bejn il-Mexxej tal-Korea ta’ Isfel u l-Mexxej tal-Ġappun, li saret dalgħodu, il-Korea ta’ Fuq sparat missila minn Pyongyang għal fuq il-Kosta tal-Punent tal-Ġappun.

Dan ġie kkonfermat minn uffiċjali Ġappuniżi kif ukoll dawk tal-Korea t’Isfel. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għad-difiża tal-Ġappun ikkonferma li t-tip ta’ missila hija ICBM, li tfisser missila li twassal tul ta’ aktar minn 5,500 kilometru u li hi ddisinjata primarjament biex tintuża bħala arma nukleari.

Hekk kif il-Korea t’Isfel sparat missila propju ftit qabel ma saret il-laqgħa bejn il-President Korean Yoon Suk Yeol, flimkien mal-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida f’Tokyo, il-każ tal-missila tpoġġa fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa. Din hija l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja f’dawn l-aħħar 12-il sena.

Taħt it-tmexxija ta’ Kim Jong-un, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, il-Korea ta’ Fuq saret aktar asservita fl-istrateġija nukleari. Riċentament, kien hemm diversi żviluppi fl-armi tagħha.

Fl-2022, il-Korea ta’ Fuq sparat aktar minn 90 missila, l-akbar ammont ta’ missili li qatt sparat f’sena waħda. Dan minkejja li kienet soġġetta għal diversi sanzjonijiet mill-Istati Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi ġirien tagħha.

Sport