Uffiċjal tal-Pulizija spiċċa midrub hekk kif kienet għaddejja operazzjoni wara rapport li kien hemm żewġt irġiel li allegatament ta n-nar sit ta’ kosturzzjoni.
Il-każ qiegħed jiżviluppa bħalissa fi Triq Joseph Carbone li tagħmel ma’ San Ġiljan.
Kien ftit qabel nofsinhar meta żewġ irġiel resqu lejn sit ta’ kostruzzjoni u tawh in-nar. Wieħed mill-irġiel ħarab minn fuq il-post b’mutur u l-ieħor baqa fuq il-post.
Fl-istess ħin kien hemm żewġ ħaddiema f’ġaġġa mqabbda ma’ crane fejn indunaw b’dak li kien qiegħed jiġri taħthom. Huma talbu lix-xufier tal-krane biex itellagħhom ħalli jevitaw il-periklu.
Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, ir-raġel allegatament spara fid-direzzjoni tagħhom u kien f’dan il-ħin li membru tal-korp intlaqat. Fuq il-post waslu aktar Pulizija li arrestaw lir-raġel.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa, Joe Mifsud.
Aktar kmieni: Sparati tiri f’San Ġiljan wara “nirien” f’sit ta’ kostruzzjoni
Ftit tal-ħin ilu jidher li ġew sparati xi tiri wara “nirien” li tqabbdu f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Joseph Carbone f’San Ġiljan.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li persuna allegatament qabbdet xi nar f’sit ta’ kostruzzjoni u hekk kif waslu l-pulizija kien hemm konfront bejn it-tnejn.
Jirriżulta li f’dan il-każ, hekk kif kienu qegħdin jiġu sparati diversi tiri, weġġa’ uffiċjal tal-Pulizija.
Aktar dettalji dalwaqt…
