L-investiment soċjali fl-ewwel nofs tas-sena jilħaq €946 miljun – l-akbar ammont qatt irreġistrat f’dan il-perjodu

Aqra wkoll

L-investiment fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji soċjali kompla jissaħħaħ fl-ewwel sitt xhur tas-sena, u laħaq aktar minn €946 miljun – l-ogħla ammont li qatt ġie rreġistrat f’dan il-perjodu tas-sena.

Skont iċ-ċifri ppubblikati llum, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-investiment fuq benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdied b’€88.3 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025. L-akbar żidiet ġew irreġistrati fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji mmirati lejn il-familji u l-anzjani.

Minbarra ż-żieda netta ta’ madwar 2,200 pensjonant kontributorju ġdid – li b’kollox issa jammontaw għal 100,173 – il-kawża ewlenija ta’ dan it-tkabbir qawwi kienet l-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-miżuri soċjali tal-Budget 2026 fl-ewwel nofs tas-sena.

B’kollox, l-investiment fuq il-pensjonijiet kontributorji u mhux kontributorji, flimkien mal-bonuses laħaq madwar €730 miljun, li tfisser żieda ta’ €62.4 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.  Barra minn hekk, tħallsu aktar minn €11-il miljun lil madwar 13,400 persuna – l-aktar nisa – li mhumiex intitolati għall-pensjoni minħabba nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, sostna li dawn il-miżuri tejbu b’mod sinifikanti d-dħul tal-pensjonanti. Minbarra ż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa, saru wkoll aġġustamenti fil-pensjonijiet ta’ dawk imwielda qabel l-1962 u tar-romol. Barra minn hekk, sar titjib fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja li jitħallas separatament mal-pensjoni, sabiex tneħħiet id-diskrepanza fir-rati skont is-sena meta bdiet titħallas il-pensjoni.

Il-Ministru Falzon semma wkoll it-titjib fil-pensjonijiet ta’ persuni miżżewġa li kienu jirċievu pensjoni mnaqqsa minħabba l-pensjoni tal-konjugi. Din id-differenza tneħħiet, u b’hekk dawn il-persuni bdew jirċievu pensjoni ogħla.

Il-ħlasijiet lill-familji bit-tfal, anzjani u persuni bi dħul baxx jew medju żdiedu b’€21 miljun, għal total ta’ aktar minn €127 miljun. Dan kien riżultat ta’ titjib fir-rati taċ‑Children’s Allowance, tal‑bonus għat‑twelid u l‑adozzjoni, tal‑In‑Work Benefit, tal‑Allowance Supplimentari, kif ukoll tal‑Għotja għall‑Anzjani. Kontribut ieħor kien il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja lil aktar minn 100,000 familja.

Il-Ministru Michael Falzon esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fl-ewwel nofs tas-sena, id-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali kompliet tonqos – kemm fl-għadd ta’ benefiċjarji kif ukoll fin-nefqa – filwaqt li l-investiment fil-protezzjoni soċjali kompla jikber b’mod sostenibbli. Huwa temm jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment u tal-Ministeru kollu tal-ħidma bla waqfien tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport