“Issa trid issir ġustizzja.” Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-minuti wara li ġie kkonfermat li ż-żewġ allegat aggressuri fil-każ ta’ San Ġiljan kienu jinsabu f’idejn il-pulizija.
Il-każ kellu l-bidu tiegħu għall-ħabta tal-10.30a.m meta l-Pulizija rċiviet informazzjoni li kien hemm xi nirien f’sit ta’ kostruzzjoni f’San Ġiljan. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li dan in-nar kien tqabbad apposta minn żewġ persuni u tqabbad taħt żewġ ħaddiema li kienu qegħdin jagħmlu xi xogħlijiet.
Hekk kif waslu l-pulizija fuq il-post wieħed mill-allegat aggressur ipprova jaħrab minn fuq il-post fejn ġie arrestat. Iżda t-tieni allegat aggressur inqafel fuq ġewwa tad-dar u għalhekk intalbet aktar għajnuna mill-Pulizija.
Hekk kif waslet l-assistenza, ir-raġel beda jispara fuq l-uffiċjali tal-Pulizija bil-konsegwenza li ntlaqat Omar Sharif u sofra ġrieħi ħfief. Sharif kien diġà jinsab fuq ġewwa tal-binja.
Iżda l-allegat aggressur kompla jispara fuq l-uffiċjali bil-konsegwenza li Johann Vella intlaqat f’wiċċu u f’għonqu. Hu ngħata l-kura fuq il-post, iżda ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie operat. Hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji ħafna.
Intant, minn hawn bdiet ħidma biex l-aggressur li kien għadu armat iċedi f’idejn il-pulizija. L-uffiċjali tal-Pulizija bdew jinnegozjaw miegħu u wara ħafna ħin ċeda l-arma u ġie arrestat.
Fost dawk li kkummentaw dawn dan il-każ kien hemm il-Prim Ministru li kiteb żewġ messaġġ fuq il-midja soċjali. Fl-ewwel messaġġ kiteb li qiegħed isegwi mill-qrib dak li qiegħed jiġi filwaqt li fit-tieni messaġġ kiteb li kien għadu kemm ġie informat li ż-żewġ allega aggressuri kien f’idejn il-pulizija.
Kiteb ukoll il-Ministru tal-Intern Glenn Bedingfield li kiteb li “bħalissa moħħni fil-Pulizija li qed jingħataw kura wara li kienu attakkati dalgħodu f’Ta’ Giorni. Wieħed mil-Pulizija sofra ġrieħi serji.
Il-ħsibijiet tiegħi huma magħhom u mal-familji tagħhom.
L-aggressur, raġel ta’ nazzjonalità Maltija, ġie arrestat.
Grazzi lill-Korp tal-Pulizija għall-ħidma straordinarja tagħkom. F’dan il-mument diffiċli, għandkom is-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħi. Il-poplu kollu warajkom.”
Fi stqarrija, il-General Workers’ Union qalet li tinsab solidali mal-uffiċjali tal-Pulizija li ndarbu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fl-inċident f’Ta’ Ġiorni, kif ukoll mal-membri kollha tal-Forzi tal-Ordni u tas-servizzi tal-emerġenza li qed jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni b’kuraġġ u professjonalità.
Il-GWU qalet li dan l-inċident huwa tfakkira ċara tas-sagrifiċċji li jagħmlu kuljum dawk li jaħdmu biex jipproteġu l-komunità tagħna u jżommu s-sigurtà pubblika.
Il-GWU awgurat fejqan ta’ malajr lill-uffiċjali midruba u rringrazjat lill-membri kollha tal-Forzi Dixxiplinati għall-impenn, id-dedikazzjoni u s-servizz tagħhom lejn il-pajjiż.
Aktar kmieni: Żewġ Maltin arrestati dwar l-isparatura fuq żewġ pulizija
Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani kkonferma mal-midja preżenti f’San Ġiljan li ż-żewġ allegat persuni li l-ewwel qabdu n-nar imbagħad wieħed minnhom beda jispara fuq il-pulizija ġew arrestati.
Aktar kmieni: Pulizija midrub fi sparatura f’Ta’ Giorni
Uffiċjal tal-Pulizija spiċċa midrub hekk kif kienet għaddejja operazzjoni wara rapport li kien hemm żewġt irġiel li allegatament ta n-nar sit ta’ kosturzzjoni.
Il-każ qiegħed jiżviluppa bħalissa fi Triq Joseph Carbone li tagħmel ma’ San Ġiljan.
Kien ftit qabel nofsinhar meta żewġ irġiel resqu lejn sit ta’ kostruzzjoni u tawh in-nar. Wieħed mill-irġiel ħarab minn fuq il-post b’mutur u l-ieħor baqa fuq il-post.

Fl-istess ħin kien hemm żewġ ħaddiema f’ġaġġa mqabbda ma’ crane fejn indunaw b’dak li kien qiegħed jiġri taħthom. Huma talbu lix-xufier tal-krane biex itellagħhom ħalli jevitaw il-periklu.
Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, ir-raġel allegatament spara fid-direzzjoni tagħhom u kien f’dan il-ħin li membru tal-korp intlaqat. Fuq il-post waslu aktar Pulizija li arrestaw lir-raġel.
Informazzjoni li għandu dan is-sit tgħid li ż-żewġ persuni li allegatament qabbdu n-nar huma Maltin.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa, Joe Mifsud.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela kiteb fuq il-midja soċjali li “qed insegwi mill-qrib is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa f’Ta’ Ġiorni fejn aggressur spara fuq żewġ pulizija.
Is-servizzi tal-emerġenza kif ukoll il-membri tal-Korp tal-Pulizija qed jaħdmu bla waqfien biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Inħeġġeġ lil kulħadd isegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet, jevita ż-żona affettwata u jħalli lis-servizzi tal-emerġenza jwettqu xogħolhom b’mod sigur.
Il-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom l-appoġġ kollu tiegħi.”
Aktar kmieni: Sparati tiri f’San Ġiljan wara “nirien” f’sit ta’ kostruzzjoni
Ftit tal-ħin ilu jidher li ġew sparati xi tiri wara “nirien” li tqabbdu f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Joseph Carbone f’San Ġiljan.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li persuna allegatament qabbdet xi nar f’sit ta’ kostruzzjoni u hekk kif waslu l-pulizija kien hemm konfront bejn it-tnejn.
Jirriżulta li f’dan il-każ, hekk kif kienu qegħdin jiġu sparati diversi tiri, weġġa’ uffiċjal tal-Pulizija.
Aktar dettalji dalwaqt…
