Thursday, April 18, 2024

Sta Lucia jiksbu l-ewwel rebħa

Aqra wkoll

Santa Lucia kisbu l-ew­wel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0 biex b’hekk inqalgħu mill-qiegħ tal-klassifika.

Min-naħa l-oħra, dan kien riżultat diżappuntanti għal Birkirkara li kienu qed jittamaw li  jitilgħu jaqsmu l-­ewwel post tal-klassifika temporanjament ma’ Hibernians.

Kienu l-Karkariżi li ħarġu tajjeb u wara sitt minuti logħob, free-kick ta’ Venancio ġie mblukkat f’corner u minuta wara, xutt angolat ta’ Montebello ġie mdawwar f’corner ieħor. Mill-corner dirett ta’ Venancio, Archi­bald imblokka tajjeb.

Fl-10 minuta, Santa Lucia rrispondew b’tentattiv ta’ Jamie Zerafa minn barra l-kaxxa li ġie mdawwar f’corner minn Fernandes. Minuta wara, minn cross ta’ Plut, xutt mill-ewwel ta’ Conti ġie salvat parzjalment minn Fernandes bi Plut jitfa’ ġewwa, iżda l-goal ġie mħassar għal offside.

Mat-18-il minuta logħob, minn cross ta’ Jeferson mix-xellug, id-daqqa ta’ ras ta’ Falcone ġiet salvata minn Archibald u imbagħad kien Jurgen Pisani li ttanta xortih b’ xutt mill-bogħod li ġie salvat mill-goalkeeper Karkariż.

Fil-25 minuta, il-Luċjani fetħu l-iskor meta minn corner ta’ Alan Souza mil-lemin, daħal tajjeb GIANMARCO CONTI u għeleb lil Fernandes b’daqqa ta’ ras.

Fl-34 minuta, Santa Lucia rduppjaw hekk kif ingħataw penalty wara li Vito Plut ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Pepe u mill-11-il metru, ALAN DA SILVA SOUZA ma żbaljax.

Biex tkompli tiġihom agħar lil Birkirkara, Enrico Pepe laqqat it-tieni karta saf­ra tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima wara foul fuq Plut biex huma spiċċaw jilagħbu b’10 players. 

Disa’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Santa Lucia reġgħu resqu viċin  meta minn corner ta’ Souza mix-xellug, id-daqqa ta’ ras ta’ Andre Prates ġiet ikklerjata minn fuq il-linja minn Montebello. Żewġ minuti wara, Victor Filho safa mkeċċi għal Santa Lucia meta ġie muri t-tieni karta safra għal foul fuq Montebello.

Madankollu Birkirkara ftit għamlu biex jippruvaw jidħlu lura fil-logħba u kien biss Diego Venancio li resaq viċin, l-ewwel meta kellu free-kick tajjeb li għadda ftit għoli fis-66 minuta u seba’ minuti mit-tmiem, meta reġa’ ttanta xortih bi free­kick ieħor mix-xellug imma Archibald salva tajjeb. 

Ekonomija

Sport