Thursday, April 18, 2024

Il-pensjoni u l-UCA l-iktar li ġibdu interess mill-budget

Aqra wkoll

Iż-żieda fil-pensjonijiet kienet l-iktar miżura li staqsew dwarha n-nies fuq il-freephone li beda jaħdem wara t-tħabbira tal-budget. Warajha segwew il-miżuri innovattivi maħsuba bil-għan li jingħataw inċentivi biex jiġu mħarsa aħjar iċ-ċentri tal-irħula tagħna. 

Bħal kull sena mijiet ta’ persuni jużaw il-freephone li joffri l-gvern biex b’aktar dettalji dwar il-miżuri mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi, jinforma aħjar liċ-ċittadini. 

Il-Freephone ilu fis-seħħ diversi ġimgħat fejn l-aktar popolari kienu l-pensjonijiet.  

Dan mhux b’sopriża hekk kif il-budget għal darb’oħra ra żieda fil-pensjonijiet għall-pensjonanti kollha. Iżda, din id-darba reġa’ mar iktar minn hekk b’għadd ta’ inizjattivi maħsuba biex iżidu d-dħul tal-pensjonanti fosthom aġġustament għat-tneħħija mit-taxxa u inizjattivi maħsuba għall-pensjonanti li jibqgħu jaħdmu. Dan wassal biex 37% tal-persuni ċemplu fuq il-freephone biex jistaqsu fuq żidiet lill-pensjonanti. It-telefonati jkunu fil-maġġoranza tagħhom maħsuba biex wieħed jifhem aħjar kemm se jkunu ż-żidiet li jgawdi minnhom hu. 

Skema oħra li ġibdet attenzjoni partikolari kienet dik marbuta mal-inċentivi biex il-pajjiż iħares aħjar il-qalba tal-irħula. Dwar din kien hemm madwar 7% tat-telefonati fuq il-freephone. Din il-miżura ħasbet għal ħelsien tat-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ proprjetà vakanti jew f’UCA jew bi stil tradizzjonali fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà. 

Bi kważi 7% wkoll kienu popolari d-domandi fuq l-assistenza supplimentari filwaqt li 5% staqsew fuq it-tisħiħ fl-in-work benefit. Anke hawn id-domandi normalment ikunu minn persuni li jkunu jridu jiċċekkjaw jekk bit-twessigħ fil-faxex ta’ dawk li se jibbenefikaw, ikunux se jintlaqtu.  Intant, 2.5% staqsew fuq l-iskema tal-first-time buyers biex dawn kienu l-iktar ħames skemi li ġibdu interess. 

Bit-tema Malta li Rridu għal Uliedna l-baġit għas-sena d-dieħla kien mimli inizjattivi maħuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni.

Ekonomija

Sport