Wednesday, October 30, 2024

STAMINA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aħħar żewġ sfidi kbar atletiċi li nzammu f’Malta – l-għawma minn Sqallija u l-ġirja mal-perimetru tal-gżejjer – kienu ċelebrazzjoni tal-għanijiet filantropiċi magħżula mill-konkorrenti u tas-sentiment ta’ kisba sportiva.

Biss naħseb li hemm fattur ieħor kruċjali f’li ntlaħaq u m’għandux jitwarrab: l-istamina – ir-rieda u d-determinazzjoni qawwija ħalli dak li tkun dħalt għalih biex twettaq, minkejja d-diffikultajiet li jinqalgħu, twettqu. It-tliet atleti li mexxew iż-żewġ inizjattivi urew kemm tabilħaqq trid issostni dil-kwalità. Ħadt gost ninnota dil-ħaġa.

F’pajjiżna, kif naraha jien, wieħed mid-difetti hu li l-istamina tonqosna. Speċjalment fil-ħajja publika, imma wkoll fl-inizjattivi ekonomiċi u soċjali, naraw li malli jinqalgħu d-diffikultajiet, bil-mod il-mod, ħidma mibdija tmajna. Għalhekk ukoll li fostna nsibu daqstant proġetti li jinbdew, imbagħad jorqdu. 

X’aktarx jiġri li min juri stamina u jkun irid ikompli sal-aħħar, jiġi ttimbrat bħala stinat/a. Bla stamina, ma tasal imkien. Id-dinja ma nbnietx mill-baħħara tal-bnazzi.

MARS

Kulħadd sejjer lejn Mars. Iċ-Ċiniżi, l-Għarab tal-Emirati, l-Amerikani ta’ Trump u daqt mid-dehra l-Ewropej ukoll, jekk mhux diġà telqu.

X’jiġbidhom lejn din il-pjaneta diffiċli tgħid, ħlief għall-argument li jissemma: kif Mars x’aktarx xi darba kienet tixbah lill-pjaneta tagħna, qabel inbidlet il-klima tagħha u nixfet għal kollox. 

Problema hi li Mars x’aktarx wisq ċkejkna. Tant hemm ġnus “iriduha” li meta jaslu hemm, se jqisu li m’hemmx biżżejjed għalihom u kulħadd ikun irid kollox għalih. Kien ġara l-istess ħaġa lejn tmiem is-seklu 19, meta l-potenzi Ewropej iddeċidew li jixxenqu lkoll flimkien għall-kontinent Afrikan, kulħadd jipprova jaħtaf biċċa minnu. Sakemm iddeċidew li jiftehmu. Biss, il-ftehim li waslu għalih ta skop għal aktar tilwim bejniethom u beda t-triq lejn l-isfrattu tal-lum fl-Afrika ċentrali.

EFFETTI TAL-COVID

Sar ħafna diskors fuq kif l-imxija tal-corona virus taffettwa l-agħar lill-anzjani. U veru, l-aktar li mietu biha sa issa kienu huma, f’għadd akbar milli turi l-istatistika uffiċjali għax ħafna imwiet ġew magħduda bħala kkawżati minn mard ieħor. Ħalliha li mbagħad jekk tqabbel l-imwiet ta’ dis-sena ma’ dawk tas-snin ta’ qabel, issib li dis-sena mietu aktar minn qabel u ż-żieda ġiet akbar sew mill-imwiet imwaħħla fl-imxija.

Fl-aħħar ġimgħat beda ħiereġ diskors ukoll dwar kif mal-firxa tal-imxija, bdew jintlaqtu dejjem aktar nies ta’ mezz età u żgħażagħ. Veru. Fiequ aktar minnhom milli fiequ anzjani. Biss, jintqal li l-fejqan li jseħħ ma jrendix saħħtu kollha lill-pazjent, anzjan jew le. Tibqa’ ċerta għeja u dgħufija quddiem mard ieħor. Tant hi ġdida l-imxija li eżatt kif tolqot lil bniedem għadu mhux magħruf.

Sport