Tuesday, May 14, 2024

STENNIJA KBIRA GĦAL-LOGĦOB TAL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR F’MALTA

Aqra wkoll

Malta se tkun qiegħda tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju li ġej. F’dawn il-logħob mistennija jipparteċipaw mal-1,000 atleta u 500 uffiċjal f’għaxar dixxiplini sportivi. Issa li tista’ tgħid ninsabu fuq l-għatba ta’ dan l-avveniment sportiv daqstant prestiġjuż, l-istennija u l-entużjażmu fost l-atleti, inkluż dawk lokali, diġà beda jinħass sew. 

Il-preparamenti għal dawn il-logħob ilhom għaddejjin ix-xhur, bit-tim organizzattiv anke bl-għajnuna tal-voluntiera jaħdmu qatigħ sabiex joħolqu atmosfera u esperjenza unika mhux biss għall-atleti imma anke għall-poplu Malti u Għawdxi li se jkun qed isegwi dawn il-logħob. 

Għandna għax nifhmu li dan l-avveniment se jkun wieħed ta’ livell għoli ħafna tant li se jkun imxandar ukoll b’mod dirett fil-pajjiżi kollha tal-GSSE biex se juri s-sbuħija u n-natura ospitabbli li Malta hi rinomata għaliha, fejn l-atleti se jkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni. 

Għalhekk biex dan l-avveniment seta’ jsir possibbli, kien hemm bżonn ta’ ħidma intensiva anke f’dik li hija loġistika u kordinazzjoni. Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li pajjiżna se jkun qiegħed jilħaq l-aspettattivi kollha, hekk kif il-ħidma li saret u li bħalissa tinsab fil-qofol tagħha, se tkun qiegħda tagħti r-riżultati mistennija.

Nittamaw li Malta toħroġ bl-unuri kif għamlet meta organizzat il-logħob tal-iSpecial Olympics is-sena li għaddiet fejn l-atleti Maltin kisbu bosta midalji. Kif qal tajjeb il-Ministru responsabbli mill-Isport Clifton Grima, dan il-logħob mhux biss se jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq il-mappa dinjija tal-isport, imma wkoll se tkun okkażjoni fejn l-atleti tagħna jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li sar fihom f’riżultati kemm fuq livell personali u anke fuq skala nazzjonali.

Għalhekk ħaqqhom kull tifħir l-organizzaturi u dawk kollha involuti, bl-appoġġ anke ta’ diversi entitajiet fosthom Sport Malta u l-NDSF, mhux biss għax irnexxielhom iġibu lejn Malta dawn il-logħob imma wkoll għall-faċilitajiet li nbnew li ġew klassifikati ta’ livell internazzjonali. Dan jawgura tajjeb għad-dixxiplini kollha sportivi li b’investimenti ta’ din ix-xorta jistgħu jwasslu għal aktar professjonaliżmu f’dan il-qasam.

Sport