Thursday, November 14, 2024

Stephen Sammut Nurminen b’ġirja twila b’għan nobbli

Aqra wkoll

Stephen Sammut Nurminen se jidħol għal sfida ferm iebsa hekk kif se jiġri d-distanza ta’ 765 kilometru minn Mae Sot sa Muhdahan fit-Tajlandja. Bħalissa hu jinsab hemmhekk sabiex jipprepara għal din l-isfida li qed joħodha b’serjeta’ liema bħalha. Dan kollu se jseħħ f’temp ta’ tmint ijiem bl-għan ewlieni hu li hu jiġbor flus għal Soup Kitchen ta’ Patri Marcellino u Dar Hosea f’Birkirkara.

Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Sammut Nurminen innifsu li kien qed jipprepara fit-Tajlandja stess qabel dan l-avveniment li għandu jkun wieħed iebes iżda li fih hemm għan nobbli ferm.
Saqsejnih dwar il-preparamenti li qed jagħmel u l-idea wara din l-isfida ferm partikolari.

“Kollox beda s-sena l-oħra meta mort nagħmel id-dawra ta’ Sqallija, dik ta’ 340 kilometru. Kienet xi ħaġa li rnexxiet mija fil-mija u ridt nagħmel xi ħaġa aktar sabiex inżid il-limitu tiegħi. Ma kontx qed naħseb li se nagħmel din l-isfida fit-Tajlandja matul din is-sena minħabba li l-pjan kien li nagħmilha s-sena d-dieħla. Iżda wara li żort dan il-pajjiż ferm sabiħ fil-Milied li għadda ma flaħtx nistenna u dlonk iddeċidejt li nagħmilha f’dawn il-jiem.”

Sammut Nurminen jgħidilna li ilu jiġri mis-sena 2020, proprju meta d-dinja kienet mifnija bil-pandemija. Hu beda jitħarreġ f’pajjiżna anke f’temperaturi estremi bħalma jkunu Ġunju, Lulju u Awwissu. Minkejja kollox, hu qatt ma qata’ qalbu u baqa’ jirsisti sa ma wasal għal din l-isfida li ġejja.

Sadanittant madwar sentejn ilu Steve Sammut Nurminen kien qed jagħmel numru ta’ ġirjiet bl-għan li jiġbor flus għas-Soup Kitchen ta’ Patri Marcellino Micallef. Hu beda jara li dan is-servizz li qed jagħti l-istess Patri Marcellino kien qed jiżdied u kważi kważi f’xi mumenti bilkemm beda jlaħħaq.

“Ridt nagħmel xi ħaġa sabiex niġbor il-flus għal din il-kċina li tagħmel karita’ liema bħalha. Bdejt nara l-ġid li jagħmel Patri Marcellino u sħabu.”

Fl-istess waqt, Sammut Nurminen beda jitħajjar ukoll jgħin dar oħra li wkoll qed tagħmel ġid kbir fost il-komunita’.

“Ridt inkompli nifrex l-għajnuna tiegħi anke fost Dar Hosea li qed tagħmel ġid kbir u ma stajtx nibqa’ indifferenti wara dan kollu. Qed nagħmlu li nistgħu biex mhux biss niġbru flus għall-ikel iżda wkoll li jkollna ikel biżżejjed għal dawn id-djar li tant huma għal qalbi.”

Saqsejna lil Sammut Nurminen dwar kif jipprepara psikoloġikament għal din il-ġirja li se jagħmel.

“Qed naħdem sabiex nibda u nispiċċa din il-ġirja. Lura għas-sena 2022 bdejt ġirja fi Sqallija u b’xorti ħażina ma rnexxilhiex nispiċċaha minħabba s-sħana eżaġerata li bdiet tagħmel. Issa qed naħdem ferm biex psikoloġikament inkun hemmhekk u fuq kollox qed noqgħod lura f’xi mumenti milli nħares lejn il-mowbajl u midja soċjali għal xi ħin biex nikkonċentra kollni kemm jien fiha.”

Stephen Sammut Nurminen itemm jirringrazzja lil dawk kollha li tawh xi forma ta’ sapport sabiex din il-ġirja li se sseħħ fit-Tajlandja tkun realta’. Kif jgħid hu stess kull kilometru jgħodd u kull ewro li jinġabar se jgħin lil dawk fil-bżonn.

Ekonomija

Sport