Friday, May 3, 2024

Steven Gerrard se jkun il-coach tal-Polonja?

Aqra wkoll

Steven Gerrard jinsab f’taħditiet mal-FA Pollakka bil-possibbiltá li jinħatar il-coach nazzjonali. 

Dan wara li l-Assoċjazzjoni temmet il-kuntratt ta’ Czeslaw Michniewicz ix-xahar li għadda wara telfa ta’ 3-1 kontra Franza fir-round tal-Aħħar-16 tat-Tazza tad-Dinja.

Kien hemm diżappunt kbir fil-kamp Pollakk għall-wirjiet tagħhom fit-tournament mondjali fejn skorjaw tliet goals biss minkejja li kellhom lill-iskorer prolifiku Robert Lewandowski.

Min-naħa ta’ Gerrard, li għandu 42 sena, qed jikkunsidra din il-pożizzjoni.

Fil-lista mqassra kien hemm ukoll Roberto Martinez li proprju nhar it-Tnejn li għadda, inħatar coach tal-Portugall. 

Anke l-coach tal-Arabja Sawdija, Herve Renard, kien qed jiġi kkunsidrat wara li kienu għelbu lill-Arġentina 2-1 fl-ewwel logħba tagħhom tal-Fażi tal-Gruppi.

Jekk Gerrard jaċċetta din il-kariga, huwa ser jerġa’ jingħaqad mal-istilla tal-Villa, Matty Cash. Id-difensur iddebutta mal-Polonja fl-2021 wara li kien applika għal passaport Pollakk minkejja li twieled fi Slough, fir-Renju Unit. 

Gerrard beda l-karriera maniġerjali tiegħu mal-ġganti tal-Premiership Skoċċiż Rangers fl-2018 wara perjodu qasir mal-U18 u l-U19 ta’ Liverpool.

L-eks captain tar-Reds rebaħ l-ewwel titlu ma’ Rangers wara nuqqas ta’  10 snin fl-2021, u rnexxielu jgħaddi sena sħiħa mingħajr telfa.

Imbagħad huwa ngħaqad ma’ Aston Villa iżda din l-avventura tiegħu ma marritx kif mixtieqa biex tkeċċa mill-kariga tiegħu, bis-sosituti denju jkun Unai Emery. 

Sport