Tuesday, November 19, 2024

STĦARRIĠ IEĦOR JKKONFERMA S-SAĦĦA TAL-PARTIT LABURISTA

Aqra wkoll

L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar materji u realtajiet politiċi li jsiru minn żmien għal żmien jista’ jservu ta’ kejl tal-ħidma u l-politika tal-gvern u tas-sentimenti tal-poplu dwar jekk ikunx kuntent b’dak li sar jew qed isir. 

Huma wkoll kejl ta’ jekk il-poplu jkunx għamel għażla tajba meta vvota biex jeleġġi partit fil-gvern għax fl-aħħar mill-aħjar kull deċiżjoni ta’ gvern ikollha, tajjeb jew ħażin, impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. 

Għalkemm kull stħarriġ xjentifiku li jsir jagħti stampa momentarja, ta’ dak il-ħin, b’danakollu huwa għodda effiċjenti li jindika x-xejriet u t-tendenzi tan-nies.

Madankollu, kif stqarr il-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba, l-aqwa stħarriġ ikun meta l-poplu jiddikjara d-deċiżjoni tiegħu permezz tal-vot li jitfa’ fil-kaxxa tal-voti waqt elezzjoni ġenerali. Ebda stħarriġ ieħor mhu aqwa minn dan.

Mingħajr ebda dubju, u lil hinn minn kull stħarriġ ieħor li sar, l-istħarriġ li kien ikkummissjonat minn It-Torċa u li  r-riżultati tiegħu kienu ppubblikati nhar il-Ħadd li għadda għal darb’oħra ta stampa ċara ta’ fejn qed iħabbat il-polz taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

L-istħarriġ ta’ qabel dak ta’ nhar il-Ħadd li għadda kienu feġġew diversi mistoqsijiet l-aktar rigward nuqqas konsiderevoli ta’ interess mill-elettorat Malti. 

Is-sehem tal-elettorat fil-proċess demokratiku huwa kruċjali, għaliex huwa propju dan il-proċess li jagħtu vuċi lill-poplu fl-għażla li jagħmel dwar min irid imexxih fis-snin sussegwenti. Fejn m’hemmx dan il-proċess demokratiku hemm id-dittatorjat.

Sfortunatament dan in-nuqqas ta’ interess inħass ukoll fl-aħħar stħarriġ fejn minkejja li kien hemm żieda minima ta’ dawk li bi ħsiebhom jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ Ġnju li ġej, madankollu in-nuqqas ta’ interess espress għadu xorta waħda inkwetanti ħafna.

Jekk xejn imma, l-aħħar istħarriġ reġa’ kkonferma li l-Parit Laburista, minkejja li naqqas xi ftit meta kkumparat mal-elezzjoni tal-2022, xorta waħda għadu moviment b’saħħtu u għadu jgawdi vantaġġ konsiderevoli fuq il-Partit Nazzjonalista, kemm fil-livell ta’ partiti u anki bejn il-mexxejja.

F’dan ix-xenarju, hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, jeħtieġ li l-partiti kollha ikomplu jwasslu l-messaġġ b’aktar ħeġġa biex jinkoraġġixxu aktar nies jieħdu sehem fil-proċess demokratiku għax wara kollox bil-vot tiegħu l-poplu jkun qed jiddetermina l-futur tiegħu stess.

Ekonomija

Sport