Wednesday, December 25, 2024

STORJA TA’ MALTA

Aqra wkoll

L-istorja ta’ Malta mhijiex materja li ċ-ċittadini tagħna huma tassew midħla tagħha. Apparti minn dawk li ma jimportawhom xejn minnha, maġġoranza kbira għandhom familjarità ta’ fuq fuq ma’ x’ġara matul is-sekli jew anke fiż-żmien modern.

Minnu li l-istess sistema edukattiva tpoġġi relattivament importanza ċkejkna fuq is-suġġett. Forsi qed jiġi mgħallem b’mod li jkompli joħloq distanza bejnu u bejn x’jinteressa tassew lill-istudenti żgħar. Il-medja tradizzjonali ftit iservu biex ikebbsu interess fis-suġġett. Mill-banda l-oħra, meta rakkont ta’ xi inċident storiku mhux daqstant magħruf jiġi pubblikat b’mod ħaj, iqajjem mhux ma jqajjimx interess.

Għandna nieħdu dil-biċċa bis-serjetà jew inħalluha tgħaddi bħal daqstant affarijiet oħra? Il-fatt hu li mingħajr għarfien sod tal-istorja nazzjonali – għarfien mifrux b’mod popolari fost iċ-ċittadini – l-istess identità nazzjonali tiddgħajjef. Ma hemm l-ebda gwadann fi żvilupp bħal dan, għal ħadd.

EĊĊELLENZA

Ta’ spiss iqum qbil dwar rakkomandazzjoni li f’qasam jew ieħor, għandna nimmiraw biex nilħqu standards eċċellenti ta’ kwalità; filfatt biex insiru ċentru ta’ eċellenza. Hu diffiċli ma taqbilx ma’ miri ta’ dat-tip.

Il-problema tqum meta jkunu jridu jittieħdu l-miżuri mbagħad biex il-miri jintlaħqu. F’wisq każi, dak li għandu jsir b’konsistenza u bla waqfien, jew ma jsir xejn jew isir b’nofs kedda. Sfortunatament, l-ebda qasam mhu ħieles minn din il-laxkezza.

Fis-settur amministrattiv publiku, l-issettjar ta’ regoli u liġijiet jibqa’ mżelleġ u l-inforzar tagħhom fjakk.

Fin-negozju, l-impenn għall-kwalità tajba mogħti bħala servizz liċ-ċittadin ta’ spiss jitwarrab għal kollox.

Fl-edukazzjoni, ta’ spiss iż-żamma ta’ standards serji ta’ kif isiru l-istudji tillaxka.
Fl-ekonomija, bl-iskuża li rridu nibqgħu kompetittivi, jitħallsu pagi baxxi li mhumiex kompatibbli ma’ produzzjoni eċċellenti.

Tiddomina wisq il-fehma li jaqbel naraw kif nirranġaw, minflok nistinkaw!

SANZJONIJIET

Tassew li bis-sanzjonijiet, meta jiġu dikjarati, l-għan ikun li min idaħħalhom jagħmel hekk biex jevita li jieħu miżuri “agħar” – fosthom li jidħol fi gwerra. Xorta tibqa’ mistoqsija dwar kemm is-sanzjonijiet se jkunu effettivi meta jiġu mħaddma mija fil-mija. Fil-maġġoranza kbira tal-każi, jidher li mhumiex.

Dan għax min ikun issanzjonat, aktar iva milli le, se jsib kif jgħaddi mingħajr dak li qed jiġi mċaħħad minnu jew se jsib min ikun lest biex xorta waħda jissuplixxih b’li għandu bżonn.

Agħar minn hekk, ġieli bl-aktar mod evidenti, s-sanzjonijiet ikunu qed jiġu evitati. Per eżempju, l-importazzjoni mir-Russja ta’ żjut raffinati bħalissa hi projbita. Uħud mill-pajjiżi li jimponu dis-sanzjoni illum spiċċaw jixtru ż-żjut raffinati tagħhom minn pajjiżi li m’għandhomx żjut naturali tagħhom. Jimportawhom mir-Russja u jirfinawhom.

Ekonomija

Sport