Tuesday, March 26, 2024

Summer Lust – Festival Mużikali ġewwa Ħal Għaxaq

Aqra wkoll

Għaxaq Music Events għadhom kemm ħabbru d-dettalji tal-Festival Mużikali Summer Lust li se jittella’ fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Mejju. Għal sena oħra, Għaxaq Music Events ser joffru spettaklu mużikali fuq jumejn li matulhom ser jippruvaw jilħqu gosti mużikali differenti biex kulħadd ikun jista’ jmur igawdi l-mużika li togħġbu. Dan il-festival bħal dejjem, ser ikun qiegħed jiftaħ l-istaġun tas-sajf u proprju minn hemm nibtet l-idea tal-isem għaliex xi ftit jew wisq kulħadd huwa għatxan u ħerqan għal dak kollu li jġib miegħu s-sajf Malti.

Summer Lust ser ikun qed jippreżenta numru ta’ artisti ta’ fama internazzjonali u kif ukoll talent Malti. Bħalma sar tul dawn l-aħħar 22 sena, dan l-ispettaklu annwali ser jittella’ fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq li jinsabu eżattament fiċ-ċentru tal-lokalità. L-organizzaturi ħadu ħsieb biex bħal kull sena, dan il-festival ikun offrut b’xejn lil dawk kollha li jattendu. Madanakollu tiġi mitluba donazzjoni fl-entratura li dis-sena l-għotjiet kollha ser imorru b’risq id-Dar tal-Providenza. Hawnhekk tajjeb insemmu li fl-aħħar sentejn li ġie mtella’ dan il-festival, mid-donazzjonijiet fl-entratura, ingħataw kważi €35,000 lil ALSMalta biex ikunu jistgħu ikomplu jaħdmu fuq il-proġetti tagħhom.

Summer Lust ser jiftaħ is-separju tiegħu nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Mejju bi spettaklu sħiħ mis-snin disgħin. F’din il-ġurnata ser ikollna esebizzjoni minn talent internazzjonali mżewwaq b’talent lokali. Fis-serata ser jieħdu sehem l-aqwa personalitajiet barranin rinomati mis-snin disgħin, fosthom Dj Sash, bil-produzzjonijiet kbar tiegħu fosthom Ecuador, Stay u Mysterious times; Sonique b’ It feels so good, Alive u Sky . Magħhom jingħaqdu l-kantanti Maria Nayler bil-kanzunetti tagħha; One is One u Naked & Sacred u Kirsty Hawkshaw bil-produzzjonijiet tagħha Just Be u Fine day. Ma’ dawn l-artisti internazzjonali se jkun hemm ukoll id-DJs Maltin Ryan Spiteri u Tenishia.

L-għada, is-Sibt 20 ta’ Mejju, ser ikun imiss kunċert minn Scandinavian Pink Floyd li se jirritornaw fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq wara s-suċċess li kellhom snin ilu. Żgur se jkun hemm xalata ta’ mużika tal-grupp Pink Floyd li se tinżel għasel ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom lil dan il-grupp li tant kiseb suċċess matul is-snin. L-organizzaturi ser jieħdu ħsieb jarmaw dwal bi spettaklu li huma sinonimu ma’ dan il-grupp u jkunu jistgħu jitgawdew aħjar siltiet bħal Confurtombly Numb, Another Brick in the wall, Gig in the sky, Money, High hopes, Run like hell u Shine on you crazy diamond. Dan il-kunċert ser jittella’ fil-50 sena anniversarju minn meta l-grupp Pink Floyd ħareġ l-album The Dark Side of the Moon. Qabel dan il-grupp se jagħti spettaklu Matthew James waqt li l-għeluq ser jitħalla f’idejn Ziggy li jagħlaq il-festival Summer Lust.

Bħal dejjem, dan il-festival ser ikun qed jiġi offrut b’xejn lil kulħadd minħabba li l-interess tal-organizzaturi dejjem kien li jferrħu u joħolqu memorji lil dawk kollha li jattendu. Però, għal dawk li jixtiequ jakkwistaw biljetti VIP, għandhom jagħmlu dan billi jżuru s-sit www.showshappening.com. Iktar informazzjoni għandha tingħata fil-ġimgħat li ġejjin fuq is-sit soċjali Facebook, fil-paġna Għaxaq Music Events. Tajjeb insemmu wkoll li ser ikun hemm żoni apposta għall-parkeġġ u b’hekk dan m’għandux ikun ta’ problema.

Żgur li festival bħal dan mhux ser joffri spettaklu ta’ mużika biss, iżda wkoll spettakli ta’ dwal u effetti oħra fosthom spettaklu ta’ nar mill-kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq li jingħaqdu flimkien biex verament joħolqu serata memorabbli għal dawk kollha li jinġabru flimkien f’dawn l-iljieli maġiċi.

Dan il-festival qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.

Ekonomija

Sport