Thursday, April 23, 2026

Strateġija meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tagħraf l-isfidi tal-gżejjer bħal Malta

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea għaddejja minn proċess biex fiż-żmien li ġej ikollha “L-Istrateġija dwar il-Gżejjer” li għal pajjiżna hija mportanti ħafna. Il-gżejjer li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea jgħixu f’realta li żvantaġġi permanenti minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom. Għandhom limitazzjoni fuq is-suq, spejjeż ogħla ta’ trasport u loġistika u pożizzjoni aktar vulnerabbli għall-għawġ li jinqala’ internazzjonalment. Malta tiffaċċja dawn l-isfidi kontinwament.

Fil-laqgħat li kelli riċenti mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Raffaele Fitto, li huwa wkoll responsabbli mill-politika ta’ Koeżjoni r-Riformi tal-Ujoni Ewropea, tkellimt miegħu dwar dawn l-isfidi u kemm huwa mportanti li l-Kummissjoni Ewropea tagħraf il-ħtieġa li dawn l-isfidi jkunu indirizzati fl-implimentazzjoni ta’ kull regola li toħroġ mill-Istituzzjonijiet Ewropej.

Mhuwiex biżżejjed li dawn l-isfidi jingħataw għarfien li sa ċertu punt diġa għandhom. L-importanti huwa li dan l-għarfien jissarraf f’miżuri konkreti inklużi dawk finanzjarji f’kull politika li tkun qed titfassal fl-Unjoni Ewropea. Strateġija Ewropea dwar il-gżejjer trid tara li l-inizjattivi kollha tal-Unjoni Ewropea, partikolarment dawk li jolqtu l-politika dwar it-trasport, l-enerġija, is-suq intern, l-ambjent u l-għajnuna mill-istat (state aid), qabel jiġu attwati l-ewwel ikun studjat l-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji tal-gżejjer.

Għal Malta din hija neċessita strutturali. Politiki li jkunu ġew iddisinjati għal swieq kbar Ewropej jista’ jkollhom konsegwenzi sproporzjonati u mhux mistennija fuq gżejjer żgħar bħal tagħna. Il-liġijiet u r-regoli Ewropej sa mit-tfassil tagħhom iridu jkunu tali li l-iżvantaġġi u l-isfidi li pajjiżna u gżejjer oħra għandhom ma jkunux se  jkompli jikbru bl-implimentazzjoni tagħhom.

Huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tfittex timxi ‘l quddiem fil-ħolqien ta’ din l-istrateġija għall-gżejjer fid-dawl tan-negozjati li diġa bdew dwar il-Budget li jmiss għas-snin 2028-2034. L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija għandha tkun il-bażi li tiżgura li r-realtajiet tal-gżejjer fi ħdan l-Unjoni jkunu riflessi fil-programmazzjoni tal-fondi Ewropej b’mod li l-Unjoni jkollha twettieq konsistenti ta’ politika li tagħti każi iċ-ċirkustanzi territorjali tal-gżejjer Ewropej. Jekk ma jkunx hemm rabta diretta bejn il-programmi li jiġu mfassla u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gżejjer, l-impatt tal-istrateġija l-ġdida dwar il-gżejjer ikun minimu.

Għal Malta, ir-rilevanza ta’ Strateġija Ewropea dwar il-gżejjer hija ċara daqs il-kristall. L-insularita ta’ pajjiżna u gżejjer oħra bħal tagħna trid tkun magħġuna fil-formazzjoni u l-istrutturar tal-programmi kollha tal-Unjoni sa mill-bidu tal-ħolqien tagħhom. B’hekk biss l-Unjoni Ewropea tkun qed tagħraf ir-realtajiet tal-isfidi li għandhom quddiemhom il-gżejjer fit-territorju tal-istess Unjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport