Wednesday, December 25, 2024

Studju jindika li l-Covid infirex fl-Ewropa xhur qabel ma kien rapportat miċ-Ċina

Aqra wkoll

Ix-xjentisti fl-Italja huma tal-fehma li l-Covid-19 seta’ kien ilu jiċċirkola fil-pajjiż minn Settembru tas-sena li għaddiet. Jekk ikun minnu dan ikun ifisser li l-virus seta’ kien ilu jinfirex ’il barra miċ-Ċina għal xhur sħaħ minn qabel oriġinarjament maħsub.

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) il-virus kien rapportat l-ewwel f’Wuhan fiċ-Ċina f’Diċembru tas-sena li għaddiet. L-ewwel pazjent infettat bil-Covid-19 fl-Italja kien rapportat fil-21 ta’ Frar f’belt viċin Milan.

Madankollu studju li sar minn riċerkaturi fl-Istitut Nazzjonali għall-Kanċer f’Milan sab antibodies f’kampjuni tad-demm li kienu ttieħdu anke minn Settembru tas-sena li għaddiet.

L-istudju, li kien ippubblikat fil-magażin xjentifiku Tumori Journal, eżamina l-kampjuni tad-demm fi kważi 1,000 persuna – ilkoll mingħajr sintomi – li kienu voluntieri fi studji li saru kontra l-kanċer li twettqu bejn Settembru tas-sena li għaddiet u Marzu ta’ din is-sena.

L-istudju sab li aktar minn 11% kienu żviluppaw antibodies speċifiċi għall-Covid-19 ferm qabel Frar, fosthom 14% minn kampjuni tad-demm li kienu ttieħdu f’Settembru tal-2019.

Din mhijiex l-ewwel darba li xjentisti sabu xhieda tal-eżistenza tal-Covid qabel ma oriġinarjament maħsub. Riċerkaturi Taljani f’Marzu kienu qalu li numru ogħla mill-medja ta’ każi ta’ pneumonia u influwenza severa kienu reġistrati fir-reġjun tal-Lombardija matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, b’dan jissuġġerixxi li l-virus seta’ diġà kien qed jiċċirkola.

Ekonomija

Sport