Monday, May 13, 2024

Suċċess għat-tim Malti fil-Kampjonati tal-Karate tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa

Aqra wkoll

Ħamsa u għoxrin atleta mill-Federazzjoni Maltija tal-Karate bl-etajiet ta’ bejn tnax u għoxrin sena, ħadu sehem fis-seba’  edizzjoni tal-Kampjonati tal-Karate tal-Istati ż-Żghar tal-Ewropa, li saru bejn l-24 u l-26 ta’ Settembru 2021. 

It-Tim ta’ Malta kien akkompanjat mid-Direttur Tekniku Jesmond Schembri bħala HOD kif ukoll mit-tim tal-Kowċis Nazzjonali Michelle Vella, Josef Antonelli u Joseph Mizzi. 

320 kompetitur minn 6 pajjiżi ħadu sehem f’dawn il-kampjonati.   L-atleti ipparteċipaw fil-Kata (forom) kif ukoll fil-Kumite (ġlied), fejn inkisbu 11 il-midalja fosthom 2 tad-deheb, 1 tal-fidda u 8 tal-bronż, għal darb’oħra turija ta’ konsistenza fost l’għola livelli. 

Il- President tal-MKF Kenneth Abela, kif ukoll id-Direttur Tekniku Jesmond Schembri reġaw ġew eletti fil-kumitat tal-Federazzjoni tal-Karate tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa, bħala teżorier u membru tal-bord tekniku rispettivament.  L-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fix-xena tal-karate hija apprezzata minn bosta kollaboraturi. 

‘L-isfidi marbuta ma dawn il-kampjonati kienu konsiderevoli, għaldaqstant huwa tassew unur għalija li nifforma parti minn tim eċċellenti ta’ kowċis, atleti, kif ukoll ġenituri fejn ingħaqdu flimkien biex b’hekk inkiseb dan ir-riżultat li jgħati ġieħ lil pajjiżna.  Prosit tassew.  Fl-aħħar net, nixtiequ nirringrazzjaw lil Sportmalta, kif ukoll lill-MOC għas-support kontinwu tagħhom’.  Dan kien il-kumment tad-Direttur Tekniku Jesmond Schembri. 

Sport