Tuesday, April 30, 2024

ARA: Jinżamm arrestat il-kuntrattur akkużat li ħalla impjegat imweġġa’ fuq bankina

Aqra wkoll

YouTube video

11:00 a.m: Kuntrattur jitressaq il-Qorti b’rabta mal-każ tar-raġel li nstab midrub fuq bankina

Glen Farrugia; id-Direttur tal-kumpanija J&G Farrugia Contractors, se jitressaq il-Qorti dalgħodu b’rabta mal-każ ta’ Jaiteh Lamin. Lamin huwa r-raġel li ndarab gravi wara li allegatament waqa’ minn sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa. Huwa se jkun qed jidher quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Il-każ seħħ jumejn ilu meta l-Pulizija rċeviet rapport dwar raġel li nstab midrub fuq bankina fi Triq Selmun fil-Mellieħa.

Il-Pulizija kienet qalet li minn investigazzjonijiet li għamlu, irriżulta li aktar qabel ir-raġel waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dun Franġisk Sciberras fil-Mellieħa stess.

L-istorja ta’ dan l-inċident infirxet sew fuq il-midja soċjali wara li Caroline Galea, waħda mill-ewwel persuni li kienu fil-post fejn instab ir-raġel spjegat il-kundizzjoni li r-raġel barrani nstab fiha waqt li tħalla mixħut fuq bankina jitriegħed.

Ir-raġel ittieħed minnufih l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Fl-aħħar sigħat huwa tkellem u qal li ħassu li kien se jmut u li issa jinsab inkwetat minħabba li għandu xi xhur biex ikun jista’ jerġa’ jkompli jaħdem. Hawnhekk Galea kkonfermat li kienet se tgħinu biex jinfetaħ kont biex jingħatawlu donazzjonijiet mingħand dawk kollha li jixtiequ jgħinuh.

12:15 p.m: Talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Farrugia

Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mis-Supretendent Priscilla Caruana lee u l-Ispettur George Frendo. Fix-xiehda tiegħu, l-Ispettur Frendo qal li l-ħaddiem midrub kien informa lill-pulizija li kien weġġa’ f’sit ta’ kostruzzjoni u ttieħed fi Triq f’Selmun. Il-ħaddiem, Jaiteh Lamin waqa’ madwar żewġ sulari u qed isofri minn ġrieħi fl-ispina ta’ dahru.

“Meta jiġi ż-żmien, l-akkużat se jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti li hi differenti minn dik li qegħdin jgħidu l-Pulizija”

L-Avukat Franco Debono

Huwa żied jgħid li Farrugia ma kkoperax mal-pulizija meta hu “Kellu d-dmir li jieħu ħsieb lill-impjegat tiegħu.” Intqal ukoll li l-imputat għażel li ma jweġibx għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-pulizija b’rabta mal-każ.

L-avukat Franco Debono qal fil-Qorti li hu se jkun qiegħed jagħmel is-sottomissjonijiet dwar il-validità tal-arrest tal-klijent tiegħu għax skontu l-prosekuzzjoni kellha d-dmir li ġġib l-evidenza u tipprova l-każ mhux timxi fuq l-għajdut. Debono sostna li min arresta lill-klijent tiegħu kellu jkun preżenti fl-awla biex jixhed.

Intant il-Qorti min-naħa tagħha ordnat li l-arrest huwa validu u li r-rekwiżiti huma konformi mal-liġi.

Farrugia li għandu 31 sena u li jirrisjedi f’Ħaż-Żebbuġ qed jiġi akkużat fost l-oħrajn li:

  • Ikkawża ġrieħi gravi, involontarji fin-natura tagħhom u/jew b’negliġenza.
  • Qered l-evidenza, naqas milli jassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegat u li naqas milli jipprovdi taħriġ lill-impjegati tiegħu.
  • Naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji meta kienu għaddejjin xogħolijiet f’ċerti għoli u li ma għamilt risk assessment fuq is-sit.
  • Ma infurmax lill-Jobs Plus li Lamin kien qiegħed jaħdem miegħu.
  • Naqas milli jħallas lil Lamin kif stipulat mil-liġi, inkluż overtime, bonus u leave u li b’mod illegali naqqas il-paga dovuta lilu.

Min-naħa tad-difiża saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li l-imputat wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi miġjubin kontrih.

Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, bl-Ispettur Frendo jgħid li l-akkużat diġa’ mess mal-evidenza u ma wera l-ebda rimors għal dan.

12:30 p.m: Farrugia jinżamm arrestat

L-avukat Franco Debono żied jgħid li kemm il-familja, kif ukoll in-negozju tal-akkużat huma bbażati f’Malta u għalhekk m’hemm biża’ li jista’ jaħrab.

Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-avukat Franco debono minħabba li r-raġel midrub għad irid jixhed fost raġunijiet oħra.

Il-Qorti min-naħa tagħha ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk Farrugia baqa’ jinżamm arrestat.

Sport