Tuesday, April 30, 2024

Għexieren ta’ ħabsin jinqatlu fi ġlied f’ħabs ġewwa l-Ekwador

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 116-il persuna hu mifhum li tilfu ħajjithom fi ġlied bejn gangs rivali ġewwa ħabs fl-Ekwador. Dan il-każ qiegħed jiġi meqjus bħala l-agħar każ ta’ vjolenza ġewwa l-ħabsijiet fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Skont dak li qiegħed jiġi rrapportat, minn tal-inqas ħames ħabsin ġew dekapitati waqt li numru oħrajn inqatlu b’tiri t’armi tan-nar. Il-ġlied żvolġa fil-ħabs ta’ Litoral ġewwa l-belt ta’ Guayaquil li hu meqjus bħala wieħed mill-iktar ħabsijiet perikolużi li hemm f’dan il-pajjiż. 

Uffiċjal tal-pulizija li tkellem mal-midja qal li l-priġunieri saħansitra bdew jitfgħu l-bombi u kien jeħtieġ madwar 400 pulizija biex jerġgħu jġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll. Il-midja lokali qiegħda tirrapporta li dan l-irvell kien ordnat mill-ikbar grupp ta’ traffikanti tad-droga Messikani li issa qegħdin joperaw anke fl-Ekwador. L-istess uffiċjal qal li l-ġlied żvolġa hekk kif ħabsin residenti f’parti tal-ħabs għaddew minn toqba u aċċessaw parti oħra tal-ħabs fejn hemm residenti gangs rivali tagħhom. Apparti n-numru kbir ta’ mejtin, hemm iktar minn 80 ħabsi li qed jingħataw kura l-isptar. 

Dan kien l-aħħar minn serje ta’ ġlied imdemmi bejn gangs fil-ħabsijiet. L-aħħar każ kien seħħ fi Frar li għadda meta dakinhar kienu tilfu ħajjithom 79 priġunier. Dan il-ġlied jidher li qiegħed isir biex il-gangs jieħdu l-kontroll tal-ħabsijiet. 

Il-ħabs ta’ Litoral jospita fih priġunieri mill-gang Los Choneros, grupp mill-Ekwador li hu mifhum li għandu rabtiet mill-qrib mal-cartel tad-droga Messikan magħruf bħala Sinaloa li huwa wieħed b’saħħtu ħafna. Min-naħa l-oħra,  il-grupp kriminali Messikan Cártel de Jalisco Nueva Generación jidher li qiegħed jipprova jibni alleanzi ma’ gangs Ekwadorjani biex ikun jista’ jikseb iktar rotot kummerċjali ta’ droga ġewwa l-Amerika Ċentrali minn idejn ir-rivali Sinaloa u dan qiegħed iwassal għal ħafna vjolenza, anke fil-ħabsijiet.

Sport