Sunday, December 22, 2024

Sven-Goran Eriksson jingħata ftit xhur ħajja wara li feġġlu l-kanċer

Aqra wkoll

L-eks manager tal-Ingilterra Sven-Goran Eriksson qal li “L-probabbiltà hija li fadallu mhux iktar minn sena ħajja” wara li feġġlu l-kanċer.

L-Iżvediż ta’ 75 sena kien l-ewwel kowċ barrani li mexxa lill-Ingilterra sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2002 u tal-2006 u tal-Kampjonati Ewropej fl-2004.

“Jien ser nirreżisti kemm nista’. “Għandi marda li hija serja. Fl-aħjar każ, fadalli sena ħajja, jista’ jkun ħafna inqas. Huwa impossibbli li ngħid eżattament, u għalhekk aħjar li ma naħsibx dwarha”, qal Eriksson.

Eriksson, li kellu karriera ta’ 42 sena fil-kowċing, sar jaf li kien ħariġlu l-kanċer “kważi sena ilu” u waqaf mir-rwol l-iktar reċenti tiegħu bħala direttur sportiv mal-klabb Żvediż Karlstad 11-il xahar ilu.

“Jien ngħix ħajja totalment normali. M’inix l-isptar, immur f’xi jiem għal żjarat ta’ rutina imma noqgħod id-dar u għandi ħbieb hawn. Il-Milied u s-Sena l-Ġdida, il-familja kollha kienu hawn – kelli ħafna nies madwari! Ninsab fiżikament attiv inqas minn dak li kont sena ilu, imma għandi ħajja normali. Tgħallimt napprezza l-ħajja ta’ kuljum u nkun kuntent meta nqum filgħodu u nħossni tajjeb. Ħsibt li kont kompletament b’saħħtu imma f’daqqa waħda kelli puplesija żgħira u għalhekk waqajt u wliedi ħaduni l-isptar. Wara ġurnata ta’ testijiet, it-tobba qaluli li kelli ħames puplesiji żgħar. Madankollu, qaluli li kont se nirkupra 100% minn dan … imma agħar minn hekk qaluli li għandi kanċer li ma jistgħux joperaw fuqu. Huma qalu li se jagħtuni trattament u mediċina biex nipprova ngħix kemm jista’ jkun”, żied jgħid.

Eriksson beda l-karriera maniġerjali tiegħu ma’ Degerfors fl-1977 qabel ingħaqad mal-Iżvediżi ta’ Gothenburg, fejn rebaħ it-titlu Żvediż, żewġ Tazzi Żvediżi u t-Tazza UEFA tal-1981.

Huwa kompla jgawdi żewġ perjodi mal-ġganti Portugiżi Benfica kif ukoll mal-klabbs Taljani Roma, Fiorentina, Sampdoria u Lazio – fejn rebaħ seba’ trofej inkluż it-titlu tas-Serie A, żewġ edizzjonijiet tal-Coppa Italia u t-Tazza tat-Tazzi tal-UEFA.

Ekonomija

Sport