Monday, November 11, 2024

Swieqi United jirbħu n-Knock-out tan-Nisa

Aqra wkoll

Swieqi United għelbu lil Hibernians 2-1 fil-Kompetizzjoni tan-Knock-out tan-Nisa Assikura li ntlagħbet fis-Centenary Stadium il-Ġimgħa filgħaxija.

Din kienet it-tielet rebħa ta’ Swieqi kontra Hibernians f’erba’ konfronti wara ż-żewġ rebħiet tagħhom fil-kampjonat. Il-Pawlisti kienu ħasdu l-poils fil-konfront tal-kampjonat l-ieħor.

Il-kowċ ta’ Swieqi United Judith Kuipers żammet fiduċjuża mal-istess plejers li bdew fis-semifinali kontra Raiders Lija ħlief għall-attakkanta Tatiana Dabney li ħadet post Salamatu Abdulai, skorer fl-aħħar erba’ partiti.

L-Owls kellhom neqsin il-Malta FA Player of the Year Jade Flask, l-aqwa skorer tal-kampjonat bi 19-il gowl, li tinsab barra mill-azzjoni minħabba injury fl-irkoppa.

Hibernians, min-naħa tagħhom, utilizzaw l-aktar formazzjoni b’saħħitha fosthom l-aqwa skorer tal-klabb Alexis Espitia li tilfet il-kwarti tal-finali kontra Mġarr United iżda rritorna b’gowl kontra San Ġwann fir-rawnd ta’ wara.

Theuma ta’ Swieqi ipproduċiet l-ewwel ċans tal-logħba bi sforz fit-tul li għadda minn fuq il-lasta hekk kif l-Owls kienu qed ifittxu li jżommu l-pressjoni mill-ewwel stadji tal-logħba.

Mumenti wara, Shona Zammit wieġbet bi ftit xuttijiet iżda ma setgħetx tegħleb lill-goalkeeper Raisa Costantino fiż-żewġ okkażjonijiet.

Hibernians ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta l-captain Martina Borg qalbet il-logħob lejn Espitia li żmarkata kellha x-xutt tagħha jgħaddi ċentimetri barra.

L-Owls wieġbu fit-22 minuta u fetħu l-iskor, meta l-captain Theuma approfitat minn żball ta’ Hibernians biex sparat xutt brillanti li ma ta l-ebda cans lil Costantino bejn il-lasti.

Theuma kważi rdoppjat l-iskor b’xutt identiku iżda ġiet imċaħħda mill-mimduda f’nofs l-ewwel taqsima.

Il-player internazzjonali Maltija kienet ta’ suċċess fit-tfittxija tagħha għat-tieni gowl meta wara li rċeviet minn cross ta’ Rebecca Atinga, għelbet lil Costantino.

Fil-mistrieħ, il-kowċ ta’ Hibs Keith Gouder għamel bidla waħda b’Sarah Urpani tieħu post il-player żagħżugħa Cristina Hili.

Tatiana Dabney ppruvat thedded lil Costantino b’xutt minn anglu strett iżda ma rnexxilhiex issib ix-xibka.

Il-midfielder Jessica Dimech ittantat xortiha b’xutt mid-distanza fit-tfittxija tat-tielet goal għal Swieqi iżda Costantino kienet attenta biex evitat kull periklu.

Hibernians irnexxielhom inaqqsu d-distakk fil-ħin miżjud meta Espitia bir-ras tefagħet fix-xibka wara li x-xutt ta’ Martina Borg laqat il-mimduda, iżda kien tard wisq biex Hibs jippruvaw jisfurzaw il-ħin barrani, bi Swieqi jirbħu din il-kompetizzjoni.

Fi tmiem il-partita, il-Viċi President Anzjan tal-Malta FA Ludovico Micallef u Andrew Grech Direttur Maniġerjali ta’ Assikura Insurance Brokers PLC ippreżentaw it-trofew u l-midalji lir-rebbieħa u lir-runners up.

SWIEQI UNITED – C. Konlan; J. Dimech, D. Theuma, M. Sciberras, E. Xuereb, S. Zammit, Rafanny, J. Schembri, T. Falzon, T. Dabney, R. Atinga.

HIBERNIANS – R. Costantino; C. Ellul, E. Zammit, A. Busuttil, K. Chetcuti (70 T. Difesa), M. Borg, Y. Attard (N. Celeste 56), C. Hili (S. Urpani 46), A. Caschetto, N. Sciberras, A. Espitia.

Referee Jo-Anna Vassallo

Ammoniti: Schembri 43, Atinga 66′, Theuma 67, Dabney 68, Dimech 93, Konlan 94 (S), Sciberras 62 (H)

Sport