Friday, May 3, 2024

Table-tennis HITT Academy WH Middle East jibqgħu l-ewwel

Aqra wkoll

Matul din il-ġimgħa ntlagħab il-ħames round tal-kampjonat nazzjonali tat-table tennis li qed isir fil-Padiljun tal-Universita’ f’Tal-Qroqq.

HITT Academy WH Middle East baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika wara li rebħu 6-0 lil HITT Academy Tibhar. Huma għandhom rekord perfett s’issa mill-bidu ta’ dan l-istaġun hekk kif rebħu l-ħames logħbiet li lagħbu.

Żewġ punti warajhom hemm Top Spin TT Academy Valletta Pay Andro li fil-ħames ġurnata rebħu wkoll bl-istess skor ta’ 6-0 kontra Top Spin TT Academy Valletta Pay Roxon.

HITT Academy Mosta Dome B & B jinsabu fit-tielet post tal-klassifika u għandhom logħba inqas mill-ewwel żewġ timijiet. Huma rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu hekk kif it-Tnejn għelbu lil HITT Academy Home Trends 4-2.

F’aktar logħbiet mill-ewwel diviżjoni, Alpha Gewo xejn ma sabuha faċli sabiex rebħu lil Mosta Gunners 4-3 filwaqt li HITT Butterfly kisbu t-tliet punti għas-spejjeż ta’ Alpha Calleja Ltd hekk kif rebħulhom 5-1.

Fit-tieni diviżjoni, il-leaders huma Alpha Alberta Group li f’logħba eċitanti rebħu 4-3 kontra Top Spin TT Academy Pay Hexer.

Żewġ punti taħthom hemm MITTC Butterfly Super Chak li għelbu lil PBC Table Tennis Blue Fire 6-0.

Il-leaders tat-tielet diviżjoni huma HITT Academy Sports Experience li rebħu lil Kindred 4-2 filwaqt li f’sezzjoni A tar-raba’ diviżjoni, Sharp Shot Academy Playmobil qegħdin ukoll fil-quċċata wara suċċess ta’ 5-1 kontra HITT Academy Faraxa. Min-naħa l-oħra, f’sezzjoni B PBC Table Tennis Bluestorm u Alpha Youths jinsabu l-ewwel wara li rebħu lil MITT Butterfly ZLC (6-0) u Top Spin Academy Kanter (4-3) rispettivament.

Sport