Sunday, April 28, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023: Riżultat prestiġjuż minn Malta

Aqra wkoll

Minn Cris Muscat – ritratt: Dominic Borg

Malta ………..2

Bosnja ……….2

F’partita minn Grupp E ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2023, it-team nazzjonali Malti tan-nisa kiseb draw prestiġjuż ta’ 2-2 kontra Bosnija Herzegovina wara li dawn tal-aħħar fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals.

Kien draw meritat għax minkejja li l-avversarji kienu l-aħjar team, il-Maltin wettqu reazzjoni qawwija fit-tieni taqsima, qasmu l-logħob mal-avversarji … u saħansitra kisbu d-draw.

Il-Bosnijaċi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-bidu tal-partita u fetħu l-iskor fil-ħames minuta meta minn azzjoni ta’ free-kick mix-xellug, qamet taħwida fil-kaxxa, bil-captain MILENA NIKO­LIC mill-vi­ċin xeħ­tet fix-xibka.

Il-mumenti segwenti kie­nu ferm kwieta u karatterizzati minn ħafna logħob f’nofs il-ground.

Dan sat-32 minuta, meta l-Bosnijaċi rduppjaw l-iskor permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ MAJA JELCIC li qarraq għal kollox bil-goalkeeper Maltija Patricia Ebejer, bil-ballun jgħaddi minn taħt idejha.

Malta wieġbet għall-ewwel darba fl-40 minuta meta Alishia Sultana indirizzat cross lejn Rachel Cuschieri li kellha x-xutt mill-ewwel tagħha jiġi salvat b’diffikultá mill-goalkeeper tal-Bosnia, Di­jana Haracic.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima kompliet is-supremazija territorjali tal-Bosnijaċi u fis-57 minuta, xutt ta’ Merjema Medic minn barra l-kaxxa ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper Ebejer.

Huma komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti wara xutt b’saħħtu minn pożiz­zjoni ideali  ta’ Niklic stampa mal-wieqfa, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

Fis-67 minuta, il-Maltin wettqu reazzjoni tajba u, xutt insidjuż minn ġol-kaxxa ta’ Dorianne Theuma ġie mdawwar f’corner minn Dijana Ha­racic.

Il-Maltin komplew jippressaw u fid-79 minuta irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ xutt mid-distanza tal-Għawdxija ta’ tilgħab ma’ Sunderland, MARIA FARRUGIA, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel jintemm fix-xibka.

Fil-95 minuta, il-Maltin kisbu d-draw drammatiku meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Rachel Cuschieri, STEPHANIA FARRUGIA tefgħet fix-xibka b’daqqa ta’ ras stupenda … biex tefgħet ukoll lil kulħadd f’dellirju ta’ ferħ

MALTA: 12-Patricia Ebejer, 4-Emma Lipman, 5-Stefania Farrugia, 6-Dorianne Theuma, 8-Rachel Cuschieri, 9-Alishia Sultana, 13-Maria Farrugia, 14-Shona Zammit, 16-Charlene Zammit, 17-Brenda Borg (3-Ann-Marie Said 66), 20-Nicole Sciberras  – Coach: Mark Gatt

BOSNJA: 12-Dijana Hara­cic, 3-Nikolina Dijakovic, 5-Melisa Hasanbegovic, 6-Dula Vegacic, 7-Dajana Spasojevic (13-Marija Damjanovic 74), 8-Marija Ana Milenkovic, 9-Milena Nikolic, 10-Selma Kapetanovic, 11-Merjema Medic (16-Andrea Grebenar 89), 17-Amela Krso, 20-Maja Jelcic  – Coach: Samira Huren

REFEREE: Lina Lehtovaera (Finlandja)

ASS. REFEREES: Heini Hyvonen, Tonja Weckstrom (Finlandja)

RABA’ UFF: Minka Vekkeli (Finlandja)

SKORERS: M. Nikolic 5, M. Jelcic 32 (B), M. Farrugia 79, S. Farrugia 95 (M)

AMMONITI: Ħadd

Sport