Team Come Back rebaħ il-kompetizzjoni Knockout tnejn kontra tnejn tal-Boċċi wara li fil-finali għelbu lil Team Tal-Grazzja bl-iskor ta’ 21-8. Din kienet finali storika minħabba li ż-żewġ timijiet kienu ġejjin mill-istess klabb, dak ta’ Ħal Għaxaq.
Come Back, kellhom lil Joseph Tabone, Chris Mallia u Jeffrey Borg filwaqt li Tal-Grazzja kienu magħmula minn Noel Axiaq, Michael Buhagiar u Barry Agius.
Dan kien it-tielet suċċess għall-klabb ta’ Ħal Għaxaq f’din il-kompetizzjoni, wara li fl-2016 kien rebaħ l-unur permezz tat-tim Oasis, filwaqt li fl-2024 kien imiss lit-tim Tal-Grazzja.
Il-finali, li ntlagħbet fil-pitch ta’ Marsamxett quddiem attendenza numeruża, kienet ikkontrollata mir-referee Mario Enriquez, assistit minn Redeemer Azzopardi.




