Monday, April 20, 2026

Team Gaudos jikkonkludi b’suċċess l-4 Islands Epic fil-Kroazja

Aqra wkoll

Stephen Grima u Mario Matulović jispiċċaw fl-11-il post fil-Klassifika Ġenerali tal-Masters  f’waħda mill-aktar tiġrijiet tekniċi mifruxa f’diversi stadji fid-dinja.

Team Gaudos, magħmul mill-atleta Malti Stephen Grima u l-Kroat Mario Matulović, temm b’suċċess il-4 Islands Epic fil-Kroazja, tiġrija ta’ mountain bike fuq diversi stadji li hija magħrufa għat-terren selvaġġ u xi wħud mill-aktar inżuliet tekniċi u perikolużi fil-kalendarju internazzjonali tal-Mountain Bike.

Dan ir-riżultat posittiv ġie inqas minn xahar wara li Grima temm it-tieni Absa Cape Epic tiegħu fl-Afrika t’Isfel.

It-tellieqa saret fuq il-gżejjer Kroati, fejn Team Gaudos spiċċa fil-11-il post fil-Klassifika Ġenerali fil-kategorija Masters — riżultat b’saħħtu f’kamp ta’ 53 tim Masters u 195 tim overall.

Id-duo kien bejn it-8 u 9 post għal ħafna mit-tiġrija, iżda l-aħħar jumejn diffiċli — fejn Grima kien marid u t-tim kellu diversi panċers — wassluhom biex kisbu l-11 il-post. Minkejja dawn l-isfidi, it-tim spiċċa t-tellieqa sodisfatt bil-prestazzjoni tiegħu.

“Kienu ftit jiem finali diffiċli; li tkun marid u taffaċċja punctures ripetuti għamilha ħafna aktar ta’ sfida milli suppost,” qal Stephen Grima. “Madankollu, li tispiċċa fl-11-il post fil-Masters f’tiġrija ta’ dan il-livell, f’kamp daqshekk kompetittiv, huwa riżultat li nistgħu nkunu kburin bih”

Il-4 Islands Epic hija magħrufa għat-terren imprevedibbli u selvaġġ tagħha — b’ħafna inżuliet perikolużi u tekniċi li ttestjaw kull tim.

Id-dinamika bejn it-tim kienet kruċjali għar-riżultat. Grima u Matulović ħadmu tajjeb flimkien matul l-istadji, żammew pass ma’ kompetituri b’saħħithom u mbuttaw lil xulxin fl-aktar sezzjonijiet diffiċli. L-għarfien profond ta’ Matulović tar-reġjun — peress li dan huwa t-terren tiegħu — kien vantaġġ tajjeb partikolarment fl-inżuliet aktar perikolużi u t-trails tekniċi.

Ħarsa ’l Quddiem: Andorra Epic Pyrenees

Bl-4 Islands Epic issa warajh, Grima qed jiffoka l-attenzjoni tiegħu għall-isfida li jmiss: l-Andorra Epic Pyrenees, fejn se jikkompeti fil-kategorija Mixed flimkien ma’ Diana Muscat. L-edizzjoni ta’ Andorra toffri rotta li tinbidel kull sena u tikkonsisti b’aktar singletracks eċċitanti, telgħat iebsa, veduti spettakolari u aktar opportunitajiet biex jikkonkwistaw il-Pirinej.

Team Gaudos jixtieq jirringrazzja lis-sponsors li ġejjin għall-appoġġ imprezzabbli tagħhom: Extra Karte, Visit Malta, SG Woodworks Ltd, Raico, National Gypsum Limited Malta, Wurth Malta, Pitre Hardware, Lourdes Opticians, JV Pharma, A. Caruana Enterprises Ltd u Xlendi Supermarket.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport