Friday, August 21, 2026
Home Sport Team Malta milqugħ uffiċjalment fil-villaġġ tal-atleti tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran

Team Malta milqugħ uffiċjalment fil-villaġġ tal-atleti tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Mediterran

0
42

L-impenji ta’ Team Malta ġewwa Taranto bdew biċ-ċerimonja simbolika ta’ merħba, fejn is-Sindku tal-Villaġġ tal-Atleti, Alessia Maurelli, laqgħet lill-kontinġent Malti u ppreżentat tifkira liċ-Chef de Mission Charlene Attard. Wara sar it-tlugħ tal-bandiera Maltija akkumpanjat mill-Innu Malti, li simbolikament immarka l-wasla ta’ Team Malta fil-Villaġġ.

Matul l-20 edizzjoni ta’ dawn il-Logħob, Malta ser tkun irrapreżentata minn 35 atleta f’14-il dixxiplina, fosthom l-Atletika, l-Badminton, iċ-Ċikliżmu, il-Ġinnastika Artistika, l-Ibburdjar, il-Karate, l-Lotta, l-Qdif, ir-Raffa, l-iSparar, it-Taekwondo, it-Tennis, it-Triathlon u l-Weightlifting.

Iċ-Ċerimonja tal-ftuħ, li ser issir il-lejla fl-istadju Iacovone,I il-kontinġent Malti ser jkun immexxi minn André Cassar (Sparar Skeet) u Francesca Clark (Badminton), li ser jġorru l-bandiera Maltija.

STORJA TA’ SUĊĊESS FIL-LOGĦOB TAL-MEDITERRAN

L-istorja ta’ Malta fil-Logħob tal-Mediterran tmur lura għall-ewwel edizzjoni, li saret f’Lixandra, l-Eġittu, fl-1951, meta Malta bagħtet kontinġent ta’ tliet atleti. Ħamsa u sebgħin sena wara, dak in-numru kiber biex illum Malta għandha wieħed mill-aktar timijiet ambizzjużi li qatt ipparteċipaw f’dawn il-Logħob.  Matul is-snin, l-atleti Maltin rebħu disa’ midalji: waħda tad-deheb, erbgħa tal-fidda u erbgħa tal-bronż, mifruxa fuq seba’ edizzjonijiet.

TEAM MALTA

Team Malta ntgħażel b’konsultazzjoni mill-qrib mal-federazzjonijiet nazzjonali rispettivi, b’livelli minimi ta’ kwalifikazzjoni stabbiliti sabiex jiġi żgurat li kull atleta magħżul fl-iskwadra jkun fil-forma meħtieġa biex jikkompeti fl-ogħla livell tal-isport Mediterranju.

Atletika: Claire Azzopardi, Dillon Cassar, Matthew Galea Soler, Jared Micallef, Luke Micallef Perconte, Graham Pellegrini, Jeremy Zammit

Badminton: Sam Cassar, Francesca Clark, Martina Clark

Ċikliżmu: Aidan Buttigieg, Bernard Galea, Andrea Mifsud

Ġinnastika Artistika: Philippa Busuttil

Ibburdjar: Mia Busuttil, Matthew Flores, Katrina Micallef, Benjamin Vassallo

Karate: Thyis Antonelli

Lotta: Nico Zarb

Qdif: Mark Schembri

Raffa: Stefan Farrugia

Sparar: Eleanor Bezzina, André Cassar, Gianluca Chetcuti, William Chetcuti, Liam Sciberras

Taekwondo: Alycia Cassar

Tennis: Alex Degabriele, Liam Delicata, Elaine Genovese

Triathlon: Kai Azzopardi, Danica Bonello Spiteri, Ryan Muscat

Weightlifting: Tenishia Thornton

“Il-Logħob tal-Mediterran ilu għal żmien twil iservi bħala wieħed mill-aktar avvenimenti multi-sportivi importanti għall-atleti Maltin, u joffrilhom l-opportunità jikkompetu kontra wħud mill-aqwa atleti tar-reġjun f’ambjent ta’ Logħob. L-edizzjoni ta’ Taranto, li se tlaqqa’ flimkien pajjiżi minn madwar il-Mediterran, tirrappreżenta kemm ċelebrazzjoni tal-kultura sportiva li naqsmu flimkien kif ukoll arena kompetittiva ta’ veru. Ninsabu ċerti mill-impenn u l-kburija li Team Malta se juri f’Taranto,” irrimarka Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Team Malta jibda l-impenji tiegħu is-Sibt 22 ta’ Awwissu, b’Sam Cassar u Francesca Clark jidħlu fil-court għar-rawnds ta’ kwalifikazzjoni tal-Mixed Doubles tal-Badminton f’Francavilla Fontana.

F’Montemesola, Stefan Farrugia jibda l-impenji tiegħu fil-kwalifikazzjoni tas-Singles tar-Raffa, filwaqt li ċ-ċiklisti Aidan Buttigieg u Andrea Mifsud jikkompetu fl-Individual Time Trial fuq iċ-ċirkwit tal-belt ta’ Taranto.

Fuq il-firing range f’Torricella, André Cassar u Liam Sciberras jibdew il-kwalifikazzjoni tagħhom fl-Iskeet, b’75 tir matul il-ġurnata.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here