M’hemm ebda dubju li l-laqgħa bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President Ukren Zelensky u l-mod kif din spiċċat ħażin, ħolqot reazzjonijiet. Immedjatament wara l-laqgħa bdew ħerġin għadd ta’ dikjarazzjonijiet, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. It-tensjoni u l-ambjent tossiku li nħoloq lejn l-aħħar tal-laqgħa ħasad lil ħafna.
Jekk wieħed iħares bir-reqqa u jifli sew dak li ġara tul il-50 minuta li damet il-laqgħa, wieħed jista’ josserva li ħafna minnha kienet pjuttost kalma. Rajna lil Zelensky jispjegalu u jurilu ritratti ta’ allegati ħtif ta’ tfal mir-Russja li imbagħad inbidlitilhom l-identità. Kollox iżda ħa żvolta totalment differenti hekk kif Zelensky beda jikkoreġi lil Viċi President Vance u wara anke lill-President Trump u dik il-laqgħa li dehret kalma u destinata li kif tintemm isir l-iffirmar ta’ ftehim dwar il-minerali, spiċċat f’tensjoni sħiħa.
Ix-xena f’dan il-mument kienet aktar tfakkret fit-Teatru tal-Moħqrija. Dak it-teatru li joħoloq determinazzjoni vjolenti biex ifarrak realtà falza. X’jagħmel dan it-teatru? Iqajjem l-udjenza permezz ta’ xokk. It-teatru li juri l-affarijiet kif verament huma għal kuntrarju ta’ dak li jippretendu li huma. U proprju dak li ġara f’din il-laqgħa. Id-dinja ixxukkjat ruħha. Ixxukkjaw ruħhom bl-arroganza. Bl-arja tossika għall-aħħar li nħolqot karatterizzata minn dominanza, aggressjoni u nuqqas ta’ empatija.
Laqgħa li fiha l-Viċi Vance u l-President Trump urewna kif l-umiljazzjoni pubblika flimkien ma’ tattiċi ta’ pressjoni psikoloġika u intimidazzjoni jintużaw biex jaffermaw il-poter fuq l-oħrajn biex jinżamm il-kontroll. Kienet laqgħa li fiha, lejn l-aħħar tagħha, ħarġet u kienet enfasizzata d-dominanza personali fuq is-soluzzjoni tal-problemi li ġew diskussi f’dik l-istess laqgħa.
Ma’ hemm ebda dubju li f’dik il-laqgħa rajna l-falliment tad-diplomazija, jekk qatt kien hemm diplomazija f’dik l-istess laqgħa. Il-mod kif ġabu ruħhom Trump u dawk ta’ madwar, b’aggressività liema bħalha ma jservix ta’ eżempju tajjeb fit-tmexxija jew għal ġenerazzjoni li jmiss.
U biex tifhem aħjar dak li ġara f’din il-laqgħa u kif dak li ġara kien kollu intenzjonat, trid iżżomm f’moħħok li llum qegħdin ngħixu f’era fejn il-
fatti oġġettivi huma inqas influwenti biex jiffurmaw l-opinjoni pubblika. Illum huma l-appelli għall-emozzjoni u t-twemmin personali li jispiċċaw jirbħu.
Quddiem dan mhix sorpriża li ħafna minn dak li jingħad u li nisimgħu llum huwa gideb. Illum qegħdin ngħixu f’dinja fejn dak li jingħad mhuwiex bilfors dak li bi ħsiebu jagħmel. Qegħdin f’erà fejn il-gideb u l-miżinormazzjoni huma l-ordni tal-ġurnata. Collo intiż biex bihom il-politiku jilħaq l-għanijiet tiegħu.
Għalhekk wara dak li ġara, wieħed ma jeħodhiex sorpriża li f’dak it-teatru maħluq, Zelensky kien se jkun il-vittma. U x’ġara? Rajna lil Zelensky jiġi umiljat u bbuljat. Tpoġġa f’sitwazzjoni impossibbli.
Il-kwistjoni tal-ilbies…mistoqsija li kollox
jindika li kienet ippjanata
F’parti tal-laqgħa tqajjem il-fatt li Zelensky ma kienx liebes il-libsa. Ma kinitx sorpriża li Zelensky ma kienx liebes il-libsa. Kull fejn rajnieh tista’ tgħid li dejjem kien liebes stil militari, ‘sweatshirt’ iswed mżejjen bit-trident Ukren.
“Għaliex ma ilbistx il-libsa? M’intix tirrispetta id-dinjità ta’ dan l-uffiċċju”. Linja aggressiva ta’ interrogazzjoni li mmarkat il-mument meta spiċċat il-konversazzjoni ta’ ħbiberija ma’ Trump u Zelensky beda jidher għajjien u irritat, u hawn aktarx li beda jirrealizza li l-laqgħa kienet dwar xi ħaġa oħra għajr l-aġenda mistennija.
U ma tistax ma tistaqsix imma l-kwistjoni tal-libsa kienet ippjanata li titqajjem biex aktar titfa’ pressjoni fuqu u tirredikolah? Qegħdin ngħidu dan għax lil Elon Musk, li kien deher ħiereġ mill-White House b’kappa tal-baseball, jeans u flokk, ħadd ma jidher li lmenta dwaru. Ħadd ma ħareġ jgħid li ma jrrispettax il-post li kien fih.
U mbagħad wieħed irid jara ukoll min għamel id-domanda, li finalment ħolqot dik it-tensjoni kollha. Dan ma kien ħadd ħlief il-ġurnalist Brian Glenn. Wara spiċċa għamel dikjarazzjoni u ddikjara li rċieva ħafna theddid. Brian Glenn hu magħruf sew fiċ-ċrieki tal-“Make Amerika Great Again’, u dan l-aktar għax-xogħol tiegħu fuq Right Side Broadcasting Network, li jxandar livestreams tar-rallies ta’ Donald Trump. Brian Glenn hu l-għarus ta’ Marjorie Taylor Greene, persuna li ppromwoviet l-antisemitiżmu u ideat tal-lemin estrem, tant li kienet sejħet lill-Moviment tal-Black Lives Matter bħala Moviment Marxist. Kienet iddikjarat li “l-akbar grupp ta’ nies maltratti fl-Istati Uniti huma irġiel bojod”. Hi kienet eletta fil-Kungress mar-Repubblikani fis-sena 2020.
La darba tkun taf dan, huwa kważi impossibbli li ma jissuspettax li dak li ġara fil-laqgħa bejn Trump u Zelensky ma kien xejn ħlief kollox orkestrat. Trump iħares lejn Glenn u b’idu jagħmel is-sinjal biex jagħmel il-mistoqsija. Glenn ifajjar id-domanda u Zelensky qatt ma kellu ċans. Fi tmiem ir-risposta tiegħu, Zelensky jirrimarka b’mod sarkastiku għal din id-domanda ‘grazzi, grazzi’ u jħares banda oħra.
Dikjarazzjonijiet qarrieqa u inveritieri
minn Trump u Vance
U fil-laqgħa, jekk wieħed janalizzaha sew jara li ntqalu dikjarazzjonijiet kemm minn Trump u anke minn Vance li huma qarrieqa u mhumiex korretti.
Dikjarazzjoni li ħasdet kienet dik meta l-President Trump iddikjara li l-Istati Uniti tat $350 biljun lill-Ukrajna. Dikjarazzjoni li mhux korretta u sa issa għad mhux magħruf minn fejn inġabet. Hu kkalkulat u dejjem kienu jissemmew dawn l-ammonti, l-Istati Uniti nefqet fuq l-Ukrajna madwar $185 biljun. L-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma weġbitx u ma iċċaratx minn fejn ġabu din iċ-ċifra.
‘Ma qalx grazzi lill-Istati Uniti’…….mhux minnu għax
Zelensky irringrazzja kemm il-darba
Biex jiddemonizzaw aktar lil Zelensky, il-Viċi President Vance żeffen fin-nofs dikjarazzjoni indirizzata lejn il-President Ukren, u qallu li ma rringrazzjax lill-Istati Uniti tal-għajnuna li tatu.
Dan ukoll hu żbaljat u wieħed jista’ jifhem li din id-dikjarazzjoni saret biex tkompli titfa’ pressjoni fuq l-istess President Ukren. Minkejja dak li ingħad, kien hemm ħafna każijiet li fihom Zelenskyy esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-poplu tal-Istati Uniti kemm qabel u anke wara li Trump ħa l-kariga. Filfatt inqas minn xahar ilu, meta Zelensky kellu telefonata ma’ Trump, Zelensky fuq X iddikjara u esprima l-gratitudni u l-apprezzament tiegħu għal Trump. Filfatt hu kien qal hekk “ninsab grat lejn il-President Trump u napprezza l-interess ġenwin tiegħu.” Kien hemm okkażjonijiet oħra fejn hu irringrazzja fosthom f’konferenza stampa u f’għadd ta’ okkażjonijiet oħra.
Kollox quddiem it-televiżjon….rari
ħafna li jsir hekk f’laqgħat bħal dawn
Fl-istorja jkun hemm mumenti meta l-paġna iddur f’salt. Wieħed jista’ jgħid li kienet laqgħa diplomatika diffiċli, iżda daqstant ieħor din kienet laqgħa b’att ta’ umiljazzjoni intenzjonat. Il-President Donald Trump u l-Viċi President J.D. Vance, tnejn kontra wieħed, ħejjew fuq il-President Zelensky dak li jista’ jiġi deskritt biss bħala proċess televiżiv. Rari fl-istorja moderna laqgħa ta’ dan il-kalibru u ta’ din l-importanza ġiet imxandra kollha kemm hi biex jaraha kulħadd u fil-preżenza tal-ġurnalisti. Dan jurik li l-laqgħa minnha nfiha ma kinitx laqgħa diplomatika. Ma kienx se jsir negozjar f’dak it-tip ta’ ambjent. Kien spettaklu, iddisinjat bir-reqqa biex jibgħat messaġġ wieħed maħsub mhux biss għal Zelensky, iżda għall-alleati tal-Amerika, l-avversarji, u għall-elettorat tagħha stess.
Trump u Vance fil-laqgħa dehru li poġġew lilhom infushom bħala interrogaturi. Il-lingwaġġ użat u t-ton kien wieħed ta’ dominanza. Zelensky spiċċa maqbud u sfurzat jiddefendi lilu nnifsu
Zelenskyy, maqbud bejn il-ħtieġa u d-dinjità, kien sfurzat jiddefendi lilu nnifsu u għal attakki li saru. It-ton tagħhom kien wieħed ta’ akkużi mill-bidu nett. Normalment laqgħa bħal din, kienet issir wara bibien magħluqin. Dan biex b’mod liberu ikun jista’ jsir ċanfir, pressjoni, jew saħansitra jabbandunaw l-alleati. Rarament iżda laqgħat simili kienu jsiru fil-pubbliku bil-kameras għaddejjin.
Imma x’messaġġ ried jintbagħat?…
…dak li seħħ issodisfa lil Putin
U joħroġ il-punt ta’ x’messaġġ riedu jibagħtu wara dak li seħħ u li xxokkja lid-dinja kollha. Quddiem id-dominanza, l-ibbuljar u l-arroganza li rajna, jidher li l-President Trump u ta’ madwaru iridu qed jibagħtu messaġġ li l-Istati Uniti issa qed tallinja ruħha aktar ma’ ħakkiema b’saħħithom milli ma’ msieħba demokratiċi. Dan ma kienx biss dwar Zelensky, imma kien dwar in-NATO, l-Unjoni Ewropea u dwar l-istess ordni li ffurmat is-sigurtà tal-Punent għal għexieren ta’ snin.
Per eżempju ftit jiem qabel il-laqgħa ma’ Zelensky, Trump iltaqa’ mal-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer u l-President Franċiż Emmanuel Macron. Kienu laqgħat kwieti. Ma’ Zelensku kienet storja oħra. Kollox jindika li f’dik il-laqgħa dak li kien importanti, kien l-umiljazzjoni ta’ Zelenskyy. Dak kien it-teatru li Trump ried li d-dinja tara.
Minn dak li seħħ, bla ebda dubju ħareġ rebbieħ il-President tar-Russja Vladimir Putin. Minn dak li ħareġ f’din il-laqgħa u anke wara fosthom bil-waqfien tal-għajnuna u anke ta’ informazzjoni li kienet qiegħda tasal għand l-Ukrajna biex tgħinha tiġġieled il-gwerra, jidher li diversi punti li ried li jseħħu Putin, bil-mod il-mod qegħdin jitwettqu.
Il-President Russu dejjen ried li l-Ukrajna tkun iżolata u li l-Istati Uniti tieqaf tiffinanzja d-difiża tal-Ukrajna. B’dak li sar, Trump jidher li miexi f’din id-direzzjoni. Kien il-ħsieb ta’ Putin li l-Istati Uniti titbiegħed minn NATO u dan qiegħed isir ukoll bil-mod il-mod.
Dak li seħħ fil-White House jista’ jitqies bħala rigal lil Moska. Dak li ħafna bassru li ma jistax iseħħ, rajnieh iseħħ f’din il-laqgħa u warajha, bi xquq mhux żgħar fir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Populiżmu….l-importanti li jidher
dominanti u li għandu kontroll
Kienet laqgħa li fiha spikka l-aspett tal-populiżmu, Trump ipproġettat bħala il-kaptan, f’ambjent dominanti fejn hu jidher b’saħħtu u li għandu kontroll. Dak li verament kien jimporta għal Trump f’din il-laqgħa hu li deher b’saħħtu. Għamel dan billi xi ħadd ieħor deher dgħajjef. U b’dan Trump intwera bħala dak li kellu l-kontroll.
L-Istati Uniti f’xifer tad-demokrazija
U dak li rajna f’din il-laqgħa, għal ħafna xokk u għal oħrajn spettaklu, m’għandux jitqies sorpriża. Dan għax Trump hu magħruf li jiggverna bl-ispettaklu. Ma’ dan imma qegħdin naraw ukoll il-pjani għall-miżuri drakonjani, bħal li jinqatgħu l-fondi lil kulleġġi li jħallu jsiru dawk li ssejjħu ‘protesti illegali’.
Dan jurik li dan il-populiżmu mhu biss jaqsam il-pajjiż u jwassal biex sezzjonijiet sħaħ tal-poplu jibdew ma jagħtux kas, iżda dan jibda jdgħajjef l-istituzzjonijiet u jdgħajjef l-idea stess tad-demokrazija bħala li hi xi ħaġa li dak li jkun għandu jiddefendiha u jissalvagwardjaha.
U issa x”se jiġri?
Jekk nieħdu l-Ukrajna, wieħed irid jara x’se jiġri issa li l-Istati Uniti waqqfet l-għajnuna militari. L-għajnuna tal-Unjoni Ewropea f’armamenti se tkun biżżejjed? Jekk issir avvanzata mir-Russi, għax issa dawn konxji li l-Ukrajna iddgħajjfet, il-forzi Ukreni u Ewropej se jkunu kapaċi jżommuha. Jekk nieħdu l-Ewropa naraw li din qiegħda tara li l-akbar alleat tagħha – l-Istati Uniti titbiegħed minnha. Mill-banda l-oħra il-futur tan-NATO jidher inċert.
L-Istati Uniti mill-banda l-oħra qiegħda turi li dak li ġara fit-28 ta’ Frar kien sinjal ieħor ta’ twissija li l-valuri tagħha, l-alleanzi tagħha, u l-impenn tagħha għad-demokrazija qed jinkitbu mill-ġdid. Fejn se jwasslu għad irridu naraw.