L-MEP Alex Agius Saliba kiseb diskussjoni għall-petizzjoni tiegħu fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PETI) f’Jannar li ġej li titratta l-impatt sproporzjonat li t-taxxa ta’ €3 fuq TEMU qed titfa’ fuq il-konsumaturi Maltin.
Permezz ta’ din il-petizzjoni qed jintalab li ssir investigazzjoni speċifika biex jiġi eżaminat jekk din it-taxxa minn Temu u pjattaformi ewlenin oħra tal-kummerċ elettroniku, humiex qed iwasslu biex il-konsumaturi Maltin iħallsu aktar minn konsumaturi f’pajjiżi Membri akbar.
Il-petizzjoni titlob ukoll li jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni jekk jiġi kkonfermat li qed ikun hemm effetti sproporzjonati. Din il-petizzjoni kisbet l-approvazzjoni kollettiva u unanima tal-koordinaturi kollha.
“Il-mistoqsija hija waħda ċara: il-konsumaturi Maltin qed iġorru spiża sproporzjonata? Li s-sitwazzjoni tibqa’ tiġi analizzata biss mhux biżżejjed. Jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa fejn il-provi jikxfu din l-inġustizzja,” qal Alex Agius Saliba.
Id-diskussjoni skedata għal Jannar se tressaq dan it-tħassib direttament quddiem il-Kumitat u se tagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi tweġibiet dettaljati dwar din il-kwistjoni.
