Wara li ssorprendiet lill-aqwa seed, il-Pollakka Iga Swiatek, fis-semi-finali, iċ-Ċiniża Zheng Qinwen marret aħjar u ħadet id-deheb meta fil-finali għelbet lill-Kroata Donna Vekic 6-2 6-3 f’Roland Garros. Swiatek ħadet il-bronż nhar il-Ġimgħa.
Zheng, finalista fl-Australian Open ta’ din is-sena, ħadet siegħa u 45 minuta biex għelbet lil Vekic u rebħet il-midalja tad- deheb.
Din hija l-ewwel midalja Olimpika taċ-Ċina ta’ kull kulur fis-singles tan-nisa, u t-tieni midalja tad-deheb Olimpika tal-pajjiż fit-tennis b’mod ġenerali. Iċ-Ċiniżi Li Ting u Sun Tiantian rebħu l-midalja tad-deheb Olimpika tad-doubles tan-nisa fil-Logħob ta’ Ateni tal-2004.