Tuesday, December 24, 2024

Tennis: L-istaġun ta’ Simona Halep mitmum

Aqra wkoll

L-istilla Rumena tat-tennis, Simona Halep, bħalissa fin-numru 9 fir-rankings tal-WTA, għaddiet minn operazzjoni fi mneħirha tant meħtieġa u mhux se terġa’ lura fil-courts dan l-istaġun.

Halep qalet li kellha problemi tan-nifs għal ħafna snin, għalhekk iddeċidiet li ssegwi parir mediku u tagħmel l-operazzjoni. Mhix ċerta kemm se jieħu fit-tul l-irkupru, iżda se tibqa’ barra mil-logħba għall-bqija tal-istaġun.

“L-istaġun tiegħi 2022 spiċċa. 2022, kie­net sena interessanti mimlija b’kollox! Na­rakom fil-courts, 2023!” – kitbet Halep fuq il-midja soċjali.

“Inħoss li għad għandi ħafna x’nagħti fuq il-court tat-tennis u għad għandi xi għani­jiet,” żiedet tgħid.

Fl-istess post, Halep tkellmet ukoll dwar il-battalji emozzjonali tagħha din is-sena. Hija qalet li kienet viċin li tieqaf mit-tennis fi Frar għax ma baqgħetx temmen li kellha “biżżejjed saħħa biex terġa’ lura fl-ewwel 10.” Imbagħad għażlet li taħdem mal-coach il-ġdid Patrick Mouratoglou, li għenha tiskopri mill-ġdid il-passjoni tagħha għat-tennis u tilħaq l-għan tagħha li terġa’ tidħol fl-ewwel 10.

“Wara dan stajt nilgħab wieħed mill-aqwa tennis tiegħi. U aktar malajr milli qatt stennejt, f’xahrejn biss, erġajt lura fit-Top 10. Għan milħuq!” –  jaqra l-post.

Iżda mbagħad, it-telfa fil-logħba tal-ftuħ fil-US Open ġegħlitha tirrealizza li kienet “eżawrita għal kollox mentalment” u kellha bżonn waqfa.

“Iżda meta tlift fil-US Open, irrealizzajt li jien kompletament eżawrita mentalment. Wara li diġa’ kelli problemi biex nieħu n-nifs għal ħafna snin u maż-żmien kont qed immur għall-agħar, iddeċidejt li nsegwi l-parir tat-tobba tiegħi u nagħmel il-kirurġija meħtieġa,” qalet Halep.

Dan l-istaġun Simona Halep rebħet żewġ titli u daħlet lura fil-Top 10 għall-ewwel darba f’aktar minn sena, skond Wtatennis.com. B’kollox, Halep rebħet 24 titlu singles matul il-karriera tagħha s’issa.

Ekonomija

Sport