Saturday, November 23, 2024

Tennis: Novak Djokovic x’aktarx ma jiħux sehem fl-Australian Open

Aqra wkoll

Novak Djokovic probabbli li ma jiħux   sehem fl-Australian Open sakemm ir-re­goli dwar it-tilqim tal-Covid-19 ma jkunux rilassati, jgħid missieru, Srdjan Djokovic.

Players mhux imlaqqma mhux se jitħallew jikkompetu fit-tournament tal-2022 u ċ-champion renjanti, Djokovic, 34 sena, naqas li jiż­vela l-istatus tiegħu.

“Taħt dawn ir-rikatti u l-kundizzjonijiet, huwa probabbilment mhux se jilgħab,” qal Srdjan Djokovic lit-TV Serb.

“Ma nagħmilx dan. U hu ibni, allura inti tiddeċiedi għalik innifsek.”

In-numru wieħed tad-dinja, Djokovic, rebaħ l-Australian Open għal rekord ta’ disa’ darbiet u jinsab indaqs fuq 20 rebħa tal-Grand Slam ma’ Roger Federer u Rafael Nadal.

L-Ispanjol Nadal jgħid li qed jippjana li jilgħab fit-tournament, li jibda mis-17 u jintemm fit-30 ta’ Jannar f’Melbourne, iżda Fede­rer se jitlef l-avveniment hekk kif għadu qed jirkupra minn operazzjoni fl-irkoppa.

Id-direttur tat-tournament Craig Tiley qal li 85% tal-players professjonali huma mlaqqma u jistenna li din iċ-ċifra tkun “bejn 90-95%” saż-żmien tal-avveniment li fih il-partitarji u l-istaff jiġu pprojbiti wkoll jekk ma jkunux imlaqqma.

“F’dak li għandu x’jaqsam mal-vaċċini u mhux vaċċini, huwa d-dritt personali ta’ kull wieħed minna jekk se nkunu mlaqqma jew le,” qal Srdjan Djokovic fi kwotazzjonijiet rappurtati mill-websajt tal-aħbarijiet B92 mill-intervista tiegħu mat-TV Prva tas-Serbja.

“Ħadd m’għandu d-dritt li jidħol fl-intimità tagħna.”

Sport