Il-Milied ġie u għadda. Kien żmien ta’ ġabra, ta’ paċi, ta’ għaqda u solidarjetà fost il-poplu. Spikka fuq kollox is-sens ta’ altruwiżmu, illi wieħed jaħseb ukoll f’ħaddieħor. Il-messaġġ ċar li għandu joħroġ minn dawn il-jiem sbieħ huwa l-bżonn li din is-solidarjetà tibqa’ tintwera’ matul is-sena kollha meta nafu li hawn daqstant persuni, mhux f’Malta biss imma wkoll madwar id-dinja li ma messithomx l-istess xorti tajba kif messet lilna.
Dak li assistejna għalih ilbieraħ waqt il-maratona “L-Istrina” kienet turija oħra tal-ġenerożità u l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. Kienet ukoll rigal mill-isbaħ għall-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li kienet l-ewwel Istrina tagħha minn kemm ilħa li ħatret Kap tal-Istat.
Tassew illi s-somma miġbura waqt din il-maratona tixhed kemm il-poplu Malti, meta jiġi mitlub biex jagħti sehmu għal kawżi ġusti, jagħmel b’dan b’qalbu kollha. Smajna bi stejjer li jolqtuk emozzjonalment. Tisma’ l-esperjenzi ta’ nies li jgħidulek kemm il-Malta Community Chest Fund kienet ta’ spalla għalihom u għall-familji tagħhom.
Dawn l-istejjer kollha magħduda flimkien iġegħluna nirriflettu aktar fuq kemm huwa importanti li naħsbu f’xulxin u li nkunu ta’ għajnuna għal xulxin. Fuq kollox is-sabiħ li tagħti, fejn b’dak il-ġest żgħir tiegħek tkun qiegħed tgħin lil ħaddieħor anki jekk ma tafx min hu. Għalhekk kull donazzjoni mogħtija, kull att ta’ ġenerożità, ifissru għajn ta’ tama għal nies oħra fil-bżonn.
Din it-turija ta’ ġenerożità spikkat ukoll fl-inizjattiva Rigal bi Mħabba, li kienet intenzjonata biex kull tifel u tifla f’pajjiżna jingħataw rigal tal-Milied. U x’hemm isbaħ milli tara lil kulħadd jikkontribwixxi, lill-entitajiet kollha jagħtu sehemhom, u dan b’solidarjetà ma’ tfal li huma inqas ixxurtjati minn oħrajn u b’hekk dawn setgħu jifirħu f’dan il-Milied ukoll bħal tfal oħra.
Ma nistgħux ukoll ma nfaħħrux inizjattivi oħra li ttieħdu minn diversi individwi biex iferrħu jew ikunu ta’ sostenn għal ħaddieħor b’mod partikolari f’dan iż-żmien. Insemmu l-ikla tal-Milied tal-Caritas, li din is-sena rat rekord ta’ persuni li attendew għaliha filwaqt li kien hemm oħrajn li saħansitra fetħu l-bieb tad-dar tagħhom biex jilqgħu persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ solitudni.
Quddiem dan kollu, nemmnu li s-solidarjetà li ntweriet ma’ dawn ħutna fil-bżonn, se terġa’ tintwera fil-bidu tas-sena l-ġdida, meta se terġa’ tittella’ l-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza. Irridu għalhekk naħsbu fil-bżonnijiet ta’ din id-Dar li qiegħda tkun ta’ ġid għal ħafna persuni b’diżabilità.
Ninsabu konvinti li din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun ta’ opportunità oħra fejn bħala poplu nagħtu ħajja aħjar lil dawk kollha li x-xorti ma tantx tbissmitilhom. Dawn ukoll għandhom dritt għal ħajja diċenti.