Amy u Ano huma tewmin identiċi, li ftit tal-minuti wara li twieldu bgħduhom minn ma’ ommhom u ngħataw lil familji separati. Ftit tas-snin wara, huma skoprew b’xulxin b’kumbinazzjoni grazzi għal filmat li tellgħet waħda mit-tewmin fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali TikTok.
It-tnejn li huma ddiskirivew li skoprew li fil-passat kienu fost eluf ta’ trabi fil-Ġeorġja li nsterqu mill-isptarijiet, lura għall-2005. Minn meta ltaqgħu sa issa, huma ppruvaw jaraw u jibnu stampa ta’ dak li ġara. Minkejja t-tentattivi minn diversi uffiċjali biex jinvestigaw dak li ġara, sa issa ħadd għadu ma nżamm responsabbli.
L-istorja ta’ kif Amy u Ano skoprew lil xulxin tibda lura għal meta kellhom 12-il sena. Amy Khvitia kienet fid-dar flimkien ma’ parrinitha u meta kienet qed tara l-programm favorit tagħha, Georgia’s Got Talent, rat li kien hemm tifla tiżfen li tixbaħa ħafna.
Seba’ snin wara, f’Novembru tal-2021, Amy tefgħet filmat fuq TikTok u minn dakinhar beda l-kuntatt bejniethom it-tnejn. Huma kienu kkomunikaw fuq Facebbok u rnexxielhom jiltaqgħu.
Meta ltaqgħu, skoprew li kienet togħġobhom l-istess tip ta’ mużika, li t-tnejn li huma kienu jħobbu jiżfnu u li kellhom anke l-istess stil ta’ xagħar. Malli tkellmu iktar fil-fond, Amy u Ano skoprew ukoll li għandhom l-istess marda ġenetika, li taffettwa l-għadam fil-ġisem.
Hekk kif baqgħu jiltaqgħu u jitkellmu, it-tewmin permezz ta’ għajnuna mill-awtoritajiet, irnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ ommhom u ltaqgħu magħha fil-Ġermanja. Huma qalu li ommhom spjegatilhom kif wara li welldet kienet waqgħet f’koma u li meta qamet, it-tobba u l-infermiera tal-Isptar kienu qalulha li t-tewmin tagħha mietu ftit tal-ħin wara li twieldu.
L-omm iddiskreviet l-mument meta reġgħet ltaqgħet mat-tewmin tagħha bħala tifsira ġdida f’ħajjitha. Issa li t-tlieta li huma rnexxielhom jltaqgħu, f’kumment li taw lill-midja, qalu li kull ma jridu hu li ssir ġustizzja għal dak li ġara lilhom u lil oħrajn.