Monday, December 23, 2024

Tfajjel li għaddej bil-kimoterapija jiġbor somma sabiħa għal Puttinu Cares

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tfajjel ta’ 10 snin għamel ġest tassew altruwistiku fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu. Dan it-tfajjel, bl-isem ta’ Kylan Ballucci, ma ħasibix darbtejn biex jiftakar fi tfal oħra minkejja li huwa bħalissa għaddej mit-trattament.

Hekk kif ftit tal-ġranet ilu huwa għalaq 10 snin, minflok rigali huwa talab għad-donazzjonijiet fejn irnexxielu jiġbor is-somma sabiħa ta’ €6,276 għal Puttinu Cares.

Ommu, Alexia Ballucci qaltilna li Kylan ilu għaddej bil-kimoterapija għal dawn l-aħħar sentejn u disa’ xhur. Qaltilna li t-triq hija twila hekk kif baqalu seba’ xhur oħra u mhux biss li bit-terapija jkun mfarrak iżda jibdew jinqalgħu problemi kbar li kemm hu u kemm il-familja kollha titkisser.

Madanakollu, ommu qaltilna li Kylan jibqa’ tifel ferrieħi u jħobb jgħin lil kulħadd, minkejja dak kollu li għaddej minnu. Fi kliemha, Kylan għandu tassew qalb tad-deheb kif jixhed biċ-ċar b’dan l-aħħar ġest li għamel biex jgħin lil dawk it-tfal li jinsabu għaddejjin mill-istess vjaġġ, jew simili, ta’ dak li għaddej minnu huwa nnifsu.

Fl-aħħar nett ommu rringrazzjat lill-Maltin u l-Għawdxin kollha tal-qalb kbira li urew ma’ Kylan u għad-donazzjonijiet tagħhom li tassew se jkunu ta’ għajnuna kbira biex Puttinu Cares tkompli tgħin aktar tfal u familji.

Il-ġest ta’ Kylan ġie mfaħħar minn bosta persuni fosthom ta’ persuna minnhom li għandha lil oħtha ġewwa Sutton fejn qiegħda tirċievi l-kura u tinsab ġewwa appartament ta’ Puttinu Cares. Hija qalet li qatt ma tobsor kif tinbidel ħajtek bil-mard u bla għajnuna mingħand Puttinu Cares kieku dak li jkun jaqta’ qalbu. Għaldaqstant, dawn id-donazzjonijiet tassew jagħtu kuraġġ lil Puttinu Cares biex ikomplu jgħinu aktar pazjenti.

Fl-aħħar tax-xahar li għadda kien hemm tfajjel ieħor, Tommy Wallbank, li ta donazzjoni sabiħa lil Puttinu Cares wara li ġera 1,000 km b’tifkira tal-ħabiba tiegħu Rebecca Zammit Lupi li ħalliet din id-dinja wara battalja kiefra kontra tip ta’ kanċer rari ħafna magħruf bħala Ewing’s Sarcoma, li huwa tip ta’ kanċer aggressiv li jolqot l-għadam.

Ekonomija

Sport